Minn mal-PM lura għat-traffiku; 2 Pulizija investigati

Kwartieri tal-Pulizija - Police Headquarters Depot
Joseph Giordimaina

Read in English.

Il-Pulizija qed tinvestiga żewġ uffiċjali dwar allegat abbuż ta’ kunfidenzjalità f’każ dwar Whistleblower. L-uffiċjali tal-Pulizija kienu membri tas-servizz ta’ sigurtà li jingħata lill-Prim Ministru.

Dan il-każ ħareġ f’email anonimu li ntbagħat lill-Prim Ministru u miegħu kien hemm ikkupjati fost l-oħrajn id-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi li għamel l-email pubbliku fuq Facebook.

Il-Pulizija fi stqarrija qasira kkonfermat li membri mit-Taqsima tat-Traffiku qed ikunu investigati u l-investigazzjoni bdiet malli l-allegazzjonijiet waslu għand il-Korp tal-Pulizija.

Il-Prim Ministru stqarr li huwa neħħa lil dawn iż-żewġ uffiċjali immedjatament meta sema’ d-diċeriji dwarhom. Huwa qal li ma kienx għażilhom hu iżda kienu membri li ntirtu mill-Prim Ministru ta’ qabel. Għall-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt, il-Prim Ministru wiegħed li jekk jirriżulta li l-identità tal-Whistleblower kienet qed tinkixef se jkun qed jaġixxi huwa wkoll.

Fl-email anonimu, il-persuna tgħid li minħabba l-abbuż ta’ kunfidenzjalità, il-ħajja tal-whistleblower u tal-familja tiegħu tinsab f’riskju għoli. Stqarr li anki l-Aġent Kummissarju tal-Pulizija jaf bil-każ u kien qed isir kull sforz biex tinkixef l-identità tal-persuna.

Huwa temm l-email tiegħu billi staqsa jekk il-Liġi tal-Whistleblower hiex qed tiġi onorata u qal li huwa tal-mistħija li l-Korp tal-Pulizija jinsab f’dan l-istat.