Minn lustratur taż-żraben għal Kardinal

Toribio_Ticona

Wieħed mill-Kardinali l-ġodda li se jaħtar il-Papa Franġisku fl-Imnarja ta’ din is-sena hu l-Isqof Toribio Porco Ticona tal-Bolivja, li għandu storja interessanti ħafna.
Qabel ma daħal is-seminarju biex jistudja għal saċerdot hu kien jaħdem fil-minjieri biex jgħin lill-familja. Fil-fatt il-ħajja ta’ dan il-bniedem toqgħod tajjeb għal xi film.
Fi tfulitu, bħala tifel minn familja fqajra kien ibigħ il-gazzetti fit-toroq u aktar tard beda jillostra ż-żraben tan-nies fir-raħal fejn kien jgħix. Meta tfarfar mar jaħdem fil-minjieri u aktar tard sar sindku tal-muniċipalità żgħira ta’ Chacarilla.
Sadanittant sar qassis iżda xorta waħda baqa’ jżomm għal 14-il sena l-kariga ta’ Sindku u nhar ta’ Ħadd kien imur iqaddes għall-komunità tal-ħaddiema tal-minjieri.
Porto Ticona kien intbagħat il-ħabs għax “iddefenda l-kawża tal-foqra”. Fil-qadi tal-missjoni saċerdotali tiegħu kien għamel żmien jaħdem mal-komunità ta’ emigranti Bolivjani li kienu marru jaħdmu fi Buenos Aires, l-Arġentina, u kien jgħixu f’xi kerrejja. Hemm kien l-ewwel darba li ltaqa’ għall-ewwel darba mal-Isqof Jorge Bergoglio li dak iż-żmien kien responsabbli mill-Arċidjoċesi ta’ Buenos Aires.
Meta s-sena li għaddiet żar il-Vatikan flimkien mal-Isqfijiet l-oħra tal-Bolivja għaż-żjara “ad limina” biex jiċċajta, il-Papa Franġisku qallu: “Mela int għadek ħaj?”
Mistoqsi dwar il-ħatra ġdida tiegħu l-Isqof Porto Ticona qal “Għad ma nistax nemmen. Ma stennejthiex. Jien wieħed mill-aktar isqfijiet umli, iben ħaddiem tal-minjieri, imma dawn huma l-pjani ta’ Alla u jkolli naċċetta. Il-Papa jħobbni iżda ma nafx għaliex”.