Minn Lulju tista’ taqbeż il-kju tal-Gozo Channel

Sorsi qrib il-kumpanija Gozo Channel qalu ma’ Newsbook.com.mt li s-sistema tal-priority boarding fuq il-vapuri tal-Gozo Channel se tidħol fis-seħħ fl-aħħar ġimgħa ta' Lulju li ġej.
Dan wara li f’Jannar li għadda l-Ministeru għal Għawdex ikkummissjona studju dwar il-vijabbiltà li jiġi introdott dan is-servizz. L-istħarriġ li sewa €9,500 sar bit-telefown mill-kumpanija PriceWaterhouseCoopers fost għadd ta’ passiġġieri li ta’ spiss jagħmlu użu mis-servizz bejn Malta u Għawdex.
Fost l-oħrajn, ġew mistoqsija jekk ikunux lesti li jużaw is-servizz tal-priority boarding u jħallsu €2 jew €4 iktar.
Mistoqsijiet oħra kienu jekk persuna tippreferix tibbukkja l-biljett tal-vapur minn qabel u tħallas fuq l-internet kif ukoll kemm wieħed lest iħallas għal servizz ta’ fast ferry bejn l-Imġarr u San Maison jekk dan jibda jingħata.
Aktar kmieni dan ix-xahar il-Gvern ikkonferma li s-servizz ta’ priority boarding se jkun bi ħlas differenti min-nollijiet eżistenti.
Il-Gozo Channel għaddejja wkoll bi studji dwar kif tista’ tibdel is-sistema tal-biljetti biex jitħaffef il-proċess tal-kju. Dan ġie kkonfermat F’Novembru li għadda miċ-Ċermen tal-Gozo Channel, Joe Cordina.