Minn “L-istrina tkompli” sa “itlaq issa” fl-editorjali tal-Ħadd

L-editorjali tal-gazzetti tal-lum kollha jiffukaw fuq aspetti differenti tas-sitwazzjoni preżenti, b’min jitlob biex il-Prim Ministru Joseph Muscat jitlaq issa sa min jappella biex l-Istrina ma titħassarx.

Tħassrux l-Istrina

L-editorjal ta’ It-Torċa jiffoka dwar il-bojkott lill-Istrina, li kien imħeġġeġ anke minn partitarji Laburisti minħabba l-preżentatur Peppi Azzopardi, u minn oħrajn bir-raġunament li hemm bżonn li l-pajjiż jikseb lura l-istabbiltà.

Madanakollu, it-Torċa tiddeskrivi dan bħala xokkanti u inaċċettabbli, hekk kif ammont ta’ għaqdiet u individwi jispiċċaw bla għajnuna f’mument li jkollhom bżonn. Żied jgħid li l-bojkott jifred lill-poplu Malti wkoll. Appella lill-Uffiċċju tal-President biex l-Istrina ssir bħas-soltu u jinjoraw l-appelli li qed isiru “minn dawk li għandhom interessi ulterjuri”.

Itlaq issa

Il-gazzetta The Sunday Times of Malta tgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat għandu jitlaq issa. Il-gazzetta tgħid editorjalment li tappoġġja b’mod sħiħ id-dimostrazzjoni tal-lum wara nofsinhar, fost ħwejjeġ oħra, għax sakemm idum Muscat Prim Ministru hemm is-sogru li l-investigazzjoni tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia tkun imbagħbsa. Il-gazzetta tgħid li d-dimostrazzjoni qed issir min-nies li qed jinsistu li l-pajjiż jirritorna għar-regoli bażiċi ta’ governanza: tqarraqx, tigdibx, tisraqx… u toqtolx.

Rabja u dispjaċir

Il-Kullħadd, il-gazzetta ta’ kull nhar ta’ Ħadd li toħroġ mill-Partit Laburista, tiddeskrivi bħala mħallta, l-emozzjonijiet li esperjenzaw l-għadd ta’ partitarji Laburisti. Bit-titlu tal-editorjal ‘L-aħna ikbar mill-jien’, Il-Kullħadd tgħid li fuq naħa kien hemm ir-rabja għax kien hemm min tradixxa l-fiduċja tagħhom u fuq naħa oħra d-dispjaċir li dan il-piż għażel li jġorru l-Prim Ministru bit-tluq tiegħu.

Lanqas ġurnata oħra f’Kastilja

The Malta Independent on Sunday (TMIS) tagħmel żewġ editorjali. F’wieħed tgħid li min se jilħaq mexxej tal-Partit Laburista għandu jeħles minn Chris Cardona, Konrad Mizzi u Sandro Craus fost l-oħrajn. Fit-tieni editorjal tgħid li Muscat u Schembri qed jaħarbu mill-ħafna mistoqsijiet li suppost qed iwieġbu.

Il-gazzetta tikkonkludi bl-istqarrija tal-GRTU li qalet li hemm telf kbir għall-bejjiegħa u qed issir ħsara lill-ekonomija. TMIS tikkonkludi billi ssemmi l-appell tal-GRTU biex Muscat ma jagħmilx ġurnata oħra f’Kastilja.

Il-PL jeħtieġ li jagħmel għażla tajba

L-editorjal tal-Illum, idawwar ħarstu lejn it-triq ‘il quddiem għall-pajjiż, bi Prim Ministru ġdid. Iddeskriva ż-żminijiet li qed ngħixu fihom bħala koroh, b’isimna mċappas ma’ kull kantuniera tad-dinja. Jisħaq li l-Partit Laburista għandu jagħmel għażla tajba, b’persuna nadifa u li għandha l-kuraġġ tnaddaf il-qiegħa maħmuġa ta’ bħalissa, li tkeċċi lil min għandha bżonn tkeċċi. L-Illum tisħaq li l-Prim Ministru ġdid għandu:

  • jkun lest jerħi minn idejh il-poter assolut li sal-lum jagħtih id-dritt li jagħżel il-Kummissarju tal-Pulizija
  • jerħi kemm jista’ jekk mhux kompletament mill-proċess tal-għażla tal-Ġudikatura
  • jibni l-pontijiet ta’ fiduċja mal-midja u jittratta lill-midja kollha l-istess
  • ikun Prim Ministru ta’ kulħadd
  • jara li ssir ġustizzja ma’ Daphne Caruana Galizia u l-familja tagħha.

Iwebbes rasu sal-aħħar

Il-Mument tgħid editorjalment li Kastilja saret ċentru ta’ komplott mafjuż. Iżżid tgħid li Muscat huwa verament wiċċu tost li jipprova jpinġi l-ħruġ tiegħu minn Kastilja b’mod trijonfalistiku u ewforiku. Il-gazzetta tinsisti li biex il-pajjiż jistejqer u jfieq mill-ġerħat kbar li sofra Muscat irid jitlaq illum qabel għada.