“Minn kull 3 Kunsilliera hemm wieħed li m’għandux fiduċja f’Delia”

Miguela Xuereb

Mark Anthony Sammut u Ivan Bartolo flimkien mal-firmatarji l-oħra tal-petizzjoni li biha skatta proċess biex issir il-votazzjoni tal-lum dwar il-futur tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qalu li minn kull 3 kunsilliera hemm wieħed li m’għandux fiduċja f’Delia.

Fi stqarrija eżatt wara li ġie ppubblikat il-vot mill-Kap tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN Francis Zammit Dimech, il-Kunsilliera Nazzjonalisti appellaw lill-Kap Nazzjonalista biex jifhem li għad hemm parti sostanzjali mill-Partit, u aktar importanti minn hekk mill-elettorat Malti u Għawdxi, li għad irid jikkonvinċihom.

Filmat: “Se nagħmel riformi b’deċiżjonijiet skomdi” – Delia

Appellawlu wkoll li jrid ikun hu li jwettaq it-tibdil u jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa biex jirbaħ il-fiduċja ta’ din il-faxxa ta’ nies li mingħajrha qalu li l-PN ma jistax jirbaħ.

Dwar il-Kunsill Ġenerali u l-vot li ttieħed, l-istess Kunsilliera qalu wkoll li saxahrejn ilu kienu ċari li dan il-vot kien l-unika mod kif il-Partit jiżblokka s-sitwazzjoni li kien sab ruħu fiha. Temmu jgħidu li se jibqgħu jagħtu sehmhom kif għamlu diġa qabel u rringrazzjaw lill-Kunsilliera u lil dawk kollha li kienu ta’ appoġġ għalihom.

L-istqarrija kienet iffirmata minn Ivan Bartolo, Mark Anthony Sammut, Emma Portelli Bonnici, Emvin Bartolo u Martin Musumeci.