Minn kelb mormi għal stilla ta’ Hollywood

Ritratt: Twitter

Monte, kelb ta’ sentejn ta’ razza mħallta li kien mormi u jgħix f’santwarju tal-klieb, se jispiċċa jsir stilla ta’ Hollywood wara li Disney għażluh biex ikun ‘l-attur’ prinċipali fir-remake tal-film tal-cartoons The Lady and the Tramp li ħareġ fl-1955.

Il-kwalitajiet tiegħu ta’ stilla ħarġu ċari meta l-aġenti ta’ Disney rawh u osservaw kemm jobdi, jagħmel ħbieb ma’ kulħadd u jaċċetta li jkun marbut b’ċinga ma’ għonqu meta jinħareġ fit-triq.

Monte se jaħdem il-parti ta’ Tramp u jidher maġenb Rosie, tar-razza Cocker Spaniel, li tagħmel il-parti ta’ Lady. L-istorja tal-film tirrakkonta dak li jgħaddu minnhom it-tnejn meta hi, kelba ma’ familja sinjuruna, titfa’ għajnejha fuqu u ssir tħobbu.

Is-santwarju tal-klieb HALO (Helping Animals Live On) f’Phoenix hu mmexxi minn Heather Allen li minn dejjem kienet tal-fehma li jekk jiġi xi ħadd fis-santwarju tagħha minn Hollywood u jara lil Monte mill-ewwel jintebaħ x’kelb speċjali hu.

Il-vuċi ta’ Monte se ssir minn Justin Theroux li fil-ħajja vera qed irabbi wkoll kelb li ma riedu ħadd waqt li Tessa Thompson tagħmel il-vuċi ta’ Lady.

Segwi l-filmat promozzjonali hawn: