Minn Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei għal Kap Eżekuttiv tal-WSC

Read in English.

Ivan Falzon, li qabel kien jokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei issa tmexxa għall-irwol ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC).

Dan tħabbar fi stqarrija mill-Korporazzjoni li spjegat li l-kariga tiegħu daħlet fis-seħħ mis-27 ta’ Marzu. Hu se jkun qed jieħu post Richard Bilocca.

Ġie spjegat li qabel ma’ Falzon inħatar Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei fl-2014 hu kellu karriera fl-avjazzjoni.

Falzon sostna li jinsab eċitat li qed jissieħeb mat-tim tal-Korporazzjoni. Qal li jemmen li l-ilma u l-informazzjoni huma l-prodotti tal-ġenerazzjoni li jmiss. Qal li bħala pajjiż irridu nirduppjaw l-attenzjoni biex isiru l-investimenti neċessarji biex iħarsu din ir-realtà.

Il-Korporazzjoni rringrazzjat lil Richard Bilocca tal-ħidma tiegħu matul is-snin u awgurat kull suċċess lil Falzon fl-irwol il-ġdid.