Minn kamp għar-refuġjati għaċ-Champions League: Alphonso Davies

Minn kamp għar-refuġjati għaċ-Champions League – Alphonso Davies għandu storja inkredibbli x’jirrakkonta.

Il-Kanadiż ta’ 17-il sena ingħaqad ma’ Bayern Munich għal madwar €17 miljun is-sena li għaddiet. Qabel kien jilgħab ma’ Vancouver Whitecaps. Tul dan iż-żmien li ilu ma’ Bayern wera li l-flus intefqu sew.

Iżda aktar kmieni f’ħajtu, meta bdiet it-Tieni Gwerra Ċivili Liberjana, il-ġenituri tiegħu Victoria u Debeah Davies kellhom jitilqu minn pajjiżhom. Il-ġenituri spjegaw kemm kienet sitwazzjoni diffiċli li sabu ruħhom fiha, u kif spiċċaw iġorru l-pistoli magħhom biex ikunu aktar siguri. Huma vvjaġġaw mili sħaħ u qasmu l-Punent tal-Afrika, biex eventwalment sabu saqaf f’kamp għar-refuġjati fil-Ghana.

Binhom il-kbir Alphonso twieled f’Novembru tal-2000, u għadda l-ewwel ħames snin ta’ ħajtu f’dan il-kamp. Eventwalment għaddew minn proċess sħiħ u rnexxielhom jimxu u jissetiljaw f’Edmonton. It-tifel daħal fl-iskema b’xejn tal-futbol li kienet tħarreġ wara l-ħinijiet tal-iskola lil tfal li ma jistgħux iħalsu għar-reġistrazzjoni ma’ klabb.

Sentejn ilu tefgħu għajnejh fuqu l-Whitecaps meta kellu biss 15-il sena. Xahar wara skurja l-ewwel gowl tiegħu mat-tim tal-kbar. Aktar tard, kien hemm diversi klabbs tal-Premier League li wrew interess fih, fosthom Manchester United, Chelsea u Liverpool, iżda Bayern dehru l-favoriti miegħu.