Minn ħin għall-ieħor il-Korea ta’ Fuq lesta tattakka lill-Istati Uniti

Jidher li t-tensjoni bejn il-Korea ta’ Fuq, il-Korea ta’ Isfel u l-Istati Uniti waslet f’punt bla ritorn.

Dan hekk kif l-armata tal-Korea ta’ Fuq irċiviet l-ordni li tista’ tagħmel attakki nukleari kontra l-Istati Uniti.  Skont l-aħbarijiet mill-Korea ta’ Isfel, il-Korea ta’ Fuq poġġiet missila fuq in-naħa l-Oċean Paċifiku. 

Jidher li din il-missila tista’ tolqot sa 4,000 kilometri ’l bogħod.  Dan ifisser li tista’ tasal sal-bażi militari li l-Istati Uniti għandhom fit-territorju ta’ Guam. Minħabba dan it-theddid kontinwu mill-Korea ta’ Fuq, l-Istati Uniti diġà armaw difiża fil-bażi tagħhom fi Guam.

Malli din l-aħbar waslet f’Washington, mill-White House ħareġ l-appell li l-Korea ta’ Fuq għandha tieqaf tipprovoka u tirrispetta l-obbligi internazzjonalist.

Anke r-Russja uriet it-tħassib tagħha dwar l-aġir tal-Korea ta’ Fuq li qalet li huwa inaċċettabbli l-Korea, immexxija minn Kim Jong-un tmur kontra d-deċiżjonijiet meħuda mill-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda.

Kelliem għall-gvern Russu qal li għandhom jerġgħu jibdew it-taħdidiet bejn il-Korea ta’ Fuq u t’Isfel, l-Istati Uniti, ir-Russja, iċ-Ċina u l-Ġappun.  L-aħħar li dawn is-sitt pajjiżi ltaqgħu kien lura fl-2008.

Min-naħa l-oħra, il-Ġappun qal li hu qed jaħdem mill-qrib mal-Istati Uniti u l-Korea ta’ Isfel.  Qal li l-pajjiż qed jipprepara ruħu li minn ħin għall-ieħor jista’ jiġri minn kollox.