Minn ħabs għal sentenza sospiża għax kien għadu żgħir

Read in English.

Jurgen Zahra ngħata sentenza sospiża għal erba’ snin wara li appella mid-deċiżjoni tal-Qorti li kienet ikkundannatu 18-il xahar ħabs. Iż-żagħżugħ appella mis-sentenza fuq l-argument li kien għadu żgħir wisq meta seħħ il-każ.

Fl-2017 huwa kien instab ħati li fis-26 ta’ Ġunju 2011, waqt li kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol prova jattakka mara Ungeriża waqt li kienet miexja minn Paceville għal San Ġwann.

Il-każ seħħ wara li hu kien qed isuq u waqaf jipprova jkellem lit-tfajla minkejja li din injoratu. Huwa beda jiġri warajha, sawwatha u qattgħalha ħwejjiġha. L-attakk waqaf wara li waqqfuh xi nies li kienu qed għaddejjin. Dak iż-żmien ir-raġel kellu 20 sena.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li taqbel mad-deċiżjoni tal-ewwel Qorti jiġifieri li ż-żagħżugħ huwa ħati tal-akkużi miġjuba kontrih madankollu ma taqbilx mas-sentenza li ngħata. L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera bidlet is-sentenza minn dik karċerarja għal sentenza sospiża minħabba l-fatt li Zahra ma kellux rekord kriminali u kien għadu żgħir. Żiedet li madankollu l-każ huwa serjissimu minħabba li persuna innoċenti spiċċata attakkata sesswalment mingħajr ebda raġuni.