Minn Ġunju li ġej il-Cruise liner Mein Schiff 3 se jopera f’Malta

Minn Ġunju li ġej il-kumpanija Ġermaniża TUI Cruises se tkun qed iġġib lejn Malta cruise liner ieħor bl-isem ta’ Mein Schiff 3.

Dan il-cruise liner mhux se jibda jagħmel waqfa ta’ ftit siegħat biss imma l-kumpanija se tuża l-Malta bħala port tat-tluq. Dan ifisser li t-turisti jkunu jistgħu jifqu Malta għal xi ġranet.                     

Waqt konferenza tal-aħbarijiet abbord il-cruise liner Mein Schiff 2, il-Ministru tat-Turiżmu Karmenu Vella tkellem dwar l-importanza tal-industrija tal-cruise liners għas-settur tat-Turiżmu u anke għall-ekonomija Maltija.                                                                                

Il-Ministru Vella semma wkoll it-tnaqqis fl-ammont ta’ passiġieri li kien irreġistrat din is-sena fis-settur tal-cruise liners. Fl-isfond ta’ dan huwa saħaq li l-Ministeru, flimkien mal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu, il-Valletta Waterfront u dawk kollha nvoluti, huma mpenjati li jżiedu l-ammont ta’ passieġieri li jaslu Malta abbord cruise liners.

Il-Mein Schiff 3 mistenni jibda l-operat tiegħu fid-29 ta’ Ġunju li ġej u huwa smat li se jkun qed iġorr madwar 2,000 passiġier.

Abbord il-cruise liner hemm 8 ristoranti, 10 bars u diversi servizzi oħra. Fost l-attrazjonijiet prinċiplai, il-Mein Schiff 3 joffri esperjenza interessanti fejn wieħed jista’ jimxi fuq pjattaformi tal-ħġieġ li jilħqu 37 metru ‘l fuq mil-ilma.  

 

Ritratti: DOI – Pierre Sammut