Minn ġot-taġen…għall-UNESCO

Hemm ftit affarijiet li l-Belġjani – jitkellmu b’liema lingwa jitkellmu – jaqblu fuqhom.
Waħda minnhom hi li ċ-chips għandhom ikunu meqjusa patrimonju kulturali dinji.
Dan, fl-istess livell tat-tango Arġentin jew il-kafé Tork.
Fil-Belġju hemm madwar 5,000 gabbana żgħira li tbiegħ biss iċ-chips.
Jissejħu fritkot u huma meqjusa 10 darbiet iktar popolari minn ħwienet oħra magħrufa li jbiegħu l-fast food.
Biex l-UNESCO tirrikonoxxi xi ħaġa bħala patrimonju kulturali dinji t-talba trid tkun iffirmata mill-Ministeru tal-Kultura – u l-Belġju għandu tlieta. Il-Ministru tar-reġjun fejn jitkellmu l-Olandiż diġà ffirma. Is-sena d-dieħla, iż-żewġ reġjuni l-oħra – li jitkellmu bil-Franċiż u bil-Ġermaniż – se jiddeċiedu dwarha.
Min jaf, minbarra ċ-chips Belġjani, ikollniex xi prodott tal-ikel Malti li jkun ukoll rikonoxxut bħala patrimonju kulturali dinji!