“Minn ġnien sabiħ għal ċimiterju fi ftit xhur”

Read in English.

Ritratti li waslu għand Newsbook.com.mt juru kif l-ġnien li qabel kien jokkupa l-art li kienet għaddejja minn xogħol ta’ kostruzzjoni maġenb il-binja li ġġarfet ilbieraħ fil-Ħamrun. Tiġrif li ħasad il-ħajja ta’ Miriam Pace, omm ta’ żewġt itfal u mart Carmel Pace, li kellha biss 54 sena.

Sors li tkellem ma’ Newsbook.com.mt u li talab biex jibqa’ anonimu qal li minn ġnien sabiħ, il-post inbidel f’ċimiterju fi żmien ftit xhur.

Miriam Pace, il-mara li kienet nieqsa wara li ġġarrfet darha fil-Ħamrun, instabet mejta qalb it-tifrik għall-ħabta tal-10pm ilbieraħ filgħaxija. Il-katavru nħareġ fl-10.30pm. Il-vittma kellha 54 sena u kienet omm ta’ żewġ ulied. It-tfittxija damet għaddejja iżjed minn tmien sigħat. Żewġha deher fuq il-post jingħata s-sabar minn xi qraba. Ir-residenti l-oħra ġew evakwati.

Kmieni dalgħodu, in-neputija ta’ Miriam appellat lill-pubbliku sabiex jipproteġi lill-maħbubin tiegħu. Qalet li l-bidu tal-ħsejjes tat-tħaffir tal-kostruzzjoni hija l-aħħar ħaġa li wieħed ikun irid jisma’ wara traġedja bħal din. “Fallejniha…aħna qtilniha,” kitbet in-neputija.

Intant, għexieren ta’ persuni esprimew il-kondoljanzi tagħhom lil Carmel Pace u wliedu.