Minn Għawdex għal Franza biex jipprattikaw il-Franċiż

Grupp ta’ sitt studenti mill-iskola sekondarja tal-bniet fi ħdan il-Kulleġġ t’Għawdex akkumpanjati minn żewġ għalliema, għadhom kemm ħadu sehem fil-Ġimgħa Internazzjonali organizzata fl-iskola Lycée Pilote Innovant International fi Poitiers, Franza.

Matul din il-ġimgħa speċjali, l-istudenti Għawdxin flimkien ma’ delegazzjonijiet oħra ħadu sehem f’diversi attivitajiet li saru apposta għalihom. Ippartecipaw fost oħrajn f’numru ta’ ħarġiet kulturali fiċ-ċentru storiku ta’ Poitiers u f’Chauvigny u f’workshops u attivitajiet soċjali.

Iż-żjara serviet ukoll biex l-istudenti Għawdxin jipprattikaw il-lingwa Franċiża u jsiru aktar midħla tal-kultura Franċiża permezz tal-kuntatt dirett li kellhom mal-familji li ospitawhom.

Qabel ma rritorna lejn Malta, il-grupp għamel żjara qasira wkoll fiċ-ċentru tal-belt ta’ Pariġi fejn kellu l-opportunità jżur diversi postijiet ta’ nteress fosthom il-katidral ta’ Notre Dame li qed jiċċelebra t-850 anniversarju tiegħu.

Din iż-żjara kienet possibli wara li ż-żewġ skejjel bnew kuntatti tajbin riżultat għal numru ta’ snin jaħdmu flimkien fi proġetti tal-eTwinning.