Minn għada tista’ tieħu t-tilqima kontra l-influwenza miċ-ċentri tas-saħħa biss

Read in English.

Minn għada t-tilqima kontra l-influwenza se tkun tista’ tittieħed biss mill-10 ċentri tas-saħħa mifruxa madwar Malta u mhux mill-bereġ tas-saħħa. Dan billi aktar minn 90,000 persuna ħadu t-tilqima kontra l-influwenza f’temp ta’ ġimgħa, mill-100,000 tilqima li kienu waslu s’issa.

Dan tħabbar mill-Ministeru għas-Saħħa fi stqarrija.

Id-Dipartiment tas-Saħħa ordna 250,000 tilqima din is-sena. It-tieni konsinja hija ordnata għal Novembru, billi l-ewwel waħda kienet tinkludi 100,000 tilqima.

Malli jasal it-tieni stokk tal-vaċċin tal-influwenza, it-tilqima tkun tista’ tittieħed miċ-ċentri tas-saħħa u l-bereġ kollha.

Id-Dipartiment tas-Saħħa irringrazzja l-istaff tax-xogħol diliġenti u lill-pubbliku ġenerali tal-konkorrenza.