Minn għada t-Tnejn tibda l-iskeda ta’ Net TV

L-istazzjon Net ukoll se jkun qed iniedi l-iskeda tal-ħatifa minn għada t-Tnejn li tinkludu għażla ta’ programmi matul il-ġurnata. Fost id-diversi programmi f’din l-iskeda nsibu:

Life&Style iżomm l-appuntament fil-ħin tal-12.10pm bi preżentazzjoni ta’ Marbeck Spiteri u Charles Saliba u se jkompli jżomm l-irkejjen popolari li twasslu fl-istaġun li għadda, fosthom dawk edukattivi, tas-sbuħija, dwar is-saħħa, il-moda u oħrajn.

Is-Sibt imbagħad ikun imiss lil Lea Hogg fil-ħin tas-12.40pm biex twassal Life&Style Weekend li jiffokka fuq mużika u kultura, apparti diversi rkejjen oħra ta’ interess.

Family Affair huwa programm ġdid li se jitwassal mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-3.30pm bi preżentazzjoni ta’ Eileen Montesin u Christine Haber, bil-parteċipazzjoni ta’ Morris! L-għan tal-programm hu li jwassal divertiment lill-udjenza permezz ta’ logħob, kompetizzjonijiet, żfin, kant u mużika. Se jkun hemm rkejjen relatati mal-mużika Taljana, l-isports, iz-Zumba u anki dwar il-Eurovision Song Contest. Dan apparti rokna partikolari li se teħodna lura fl-imgħoddi u li se tqanqan bla dubju ħafna nostalġija.

U qablu, fis-2.30pm, mit-Tnejn sal-Ġimgħa, Net ikompli bit-throwback drama u għal dan l-istaġun tistgħu tibdew isegwu l-puntati tal-2008 tas-sensiela K.C.

Mit-Tnejn sal-Ħamis fit-8.20pm Louise Tedesco twassal il-programm Fid-Dettall li jidħol fil-fond ta’ stejjer li jkunu qed iseħħu madwarna. Il-programm ikollu ripetizzjoni l-għada fil-5.35pm.

Għar-raba’ sena konsekuttiva jkompli l-programm Net Live ma’ Robert Cremona u Amy Borg b’diskussjoni fuq dak li jkun għaddej fl-aħbarijiet.

Stephanie Chircop tkompli bil-programm Sorsi Infurmati nhar ta’ Erbgħa fid-8.45 fejn jitwasslu stejjer investigattivi tal-ġurnalist Joe Mikallef.

Fost programmi oħra f’din l-iskeda nsibu Ħallelin tal-Baħar nhar ta’ Tlieta fid-8.45pm fejn Salvu Mallia jlaqqgħana mal-kursar tas-16-seklu Salvatore u sħabu tat-tverna, li se jibqgħu miegħu tul l-10 episodji kollha.

Bla dubju ħafna jkunu qed jistennew is-sensiliet ta’drama u l-istazzjon Net qed jippreżenta tnejn matul din l-iskeda.

Ġdida fjamanta hija Iż-Żagħka għat-Tnejn fid-8.45pm filwaqt li l-Ħamis se tkunu tistgħu ssegwu t-tieni u l-aħħar staġun ta’ Fattigi.

Is-Sibt fit-3.05pm Dulcima Aquilina flimkien mal-kok Daniel Grech iwasslu l-programm Be Our Guest fejn jiltaqgħu ma’ personalitajiet partikolari minn diversi oqsma tal-ħajja, fejn niskopru l-lat uman tagħhom u xi nflwenzahom f’ħajjithom.

Is-Sibt filgħaxija ma jonqosx l-ispettaklu permezz ta’ The Entertainers fil-ħin tat-8.30pm.

Il-programm Wheelspin ukoll se jerġa’ jkun fl-iskeda ta’ dan l-istazzjon. Ippreżentat minn Fleur Balzan. L-20 edizzjoni ta’ dan il-programm titwassal it-Tnejn fid-9.50pm

Il-programmi sportivi f’din l-iskeda l-ġdida fuq dan l-istazzjon ma jonqsux.

Replay Preview jixxandar il-Ġimgħa fid-9.30 ppreżentat minn Sarah Agius filwaqt li Replay Live Score ma’ Doriana Portelli u Keane Cutajar jixxandar il-Ħadd fis-6.45pm. Christian Micallef iwassal l-20 edizzjoni ta’ Replay il-Ħadd fit-8.15pm.

F’din l-iskeda nsibu wkoll Mhux Premier Biss ma’ Ray Abdilla s-Sibt f’12.05pm u l-Ħadd l-appuntament fil-5pm ma’ Charles Camenzuli għall-programm Sports Extra.