“Minn għada tibda ġimgħa intensiva ta’ operazzjonijiet skedati”

Read in English.

Is-Servizz Nazzjonali tat-Trasfużjoni tad-Demm appella lill-pubbliku sabiex jagħti d-demm hekk kif ir-riserva tad-demm tbaxxiet. Spjega li minn għada tibda ġimgħa oħra intensiva ta’ operazzjonijiet skedati.

Fi stqarrija s-Servizz spjega li r-riżerva jinħtieġ li kemm jista’ jkun tirkupra malajr. Propju llum, il-Ħadd, għadd ta’ pazjenti b’mard kroniku, inkluż kanċer, jidħlu l-isptar għal jum wieħed biss biex jieħdu ammont sostanzjali ta’ demm u fil-jiem li ġejjin ikunu jifilħu għal ċiklu ieħor ta’ kimoterapija, skont is-Servizz.

Bil-ġimgħa bieżla li ġejja, is-Servizz tenna li huwa importanti li r-riserva tad-demm tkun tajba, sabiex ir-ritmu qawwi ta’ operazzjonijiet jibqa’ għaddej.

Jekk tixtieq tagħti d-demm tista’ tagħmel dan fiċ-Ċentru tal-Għoti tad-Demm ta’ Gwardamanġa li jiftaħ kuljum, mit-8am sas-6pm (l-aħħar dħul fis-6:00pm). Importanti li tiġi ppreżentata l-karta tal-identità, liċenzja tas-sewqan jew passaport.