Minn għada t-Tnejn tista’ terġa’ ssegwi Cherry Season

Minn għada t-Tnejn, kuljum mis-7am sat-8.30am, l-istazzjon tal-Mediaset La5 se jerġa’ jibda jxandar is-soap opera ta’ success Cherry Season.

Din il-produzzjoni Torka tesplora r-relazzjoni bejn żewġ persuni li għalkemm mhumiex atratti lejn xulxin, ikollhom iqattgħu ħafna ħin fil-kumpanija ta’ xulxin. X’se jiġri minn Oyku? Se tispiċċa biex titlef darba għal dejjem il-ġuvni li għal snin twal kienet ħabbet?

Ritratt: Mediaset

F’din il-ġrajja niltaqgħu ma’ Oyku, tfajla li tattendi l-università. Hija jkollha bosta ambizzjonijiet f’ħajjitha fosthom li ssir stilista tal-moda ta’ suċċess. F’qalbha għandha wkoll lil Mete, li jiġi l-ikbar ħabib ta’ ħuha. Mhux biss iżda hi qatt ma kellha l-kuraġġ li tiftaħ qalbha biex tesprimi dak li hi tħoss għalih. L-ikbar ħabib ta’ Mete hu Ayaz, perit ta’ suċċess li hu kemmxejn arrogant. Iħobb in-nisa iżda qatt ma jiltaqa’ ma’ tfajla għat-tieni darba. Ayaz huwa wkoll iben stilista kbir tal-moda li faċilment jista jgħin lil Oyku twettaq l-ikbar xewqa li għandha biex tikseb suċċessi kbar fil-karriera tagħha.

Darba minnhom, b’kumbinazzjoni, Oyku u Ayaz jiltaqgħu. It-tnejn li huma jkunu se jirkbu l-istess taxi. Imma l-egħbusija tar-ras tagħhom twassalhom biex ħadd minnhom ma jirkeb fiha. Bil-mod il-mod, dan l-inċident jwassal biex huma jsiru jafu lil xulxin. Fl-istess waqt Mete jidħol f’relazzjoni ma’ Seyma, ħabiba antika ta’ Oyku. Seyma iżda tgħir ħafna għal Oyku.

Din il-produzzjoni kienet success kbir fit-Turkija u kienet tiġbed udjenza ta’ madwar 6 miljun telespettatur kull darba. Irrepetiet is-suċċess tagħha fuq Canale 5 u kienet popolari wkoll ma’ ħafna Maltin.