Minn għada nimplimentaw xi rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja – Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern minn 100 ġurnata wara r-rapport tal-kummissjoni Venezja se jkun qed jibda jimplementa terz tar-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-kummissjoni tal-kunsill tal-Ewropa. Meta kien qed jitkellem waqt attivita’ politika f’Wied il-Għajn, Muscat qal li l-Kummissjoni Venezja qed tirrakomanda, fost affarijiet oħra,  li l-President ta’ Malta jkun approvat minn żewġ terzi tal-Parlament Malti. Muscat qal li minkejja li din ir-riforma għandha mhix fuq il-karta, għat-tielet darba, il-President ta’ Malta se jkun approvat b’mod unanimu mill-parlament fi ftit tal-ġranet oħra.

Aqra ukoll: Il-Kummissjoni Venezja, il-kummissjoni Ewropea dwar id-demokrazija permezz tal-liġi, ikkonkludiet li Malta għandha Prim Ministru b’ħafna poter. Spjegat li minkejja li s-sistema ta’ Malta hi bħal tar-Renju Unit, f’Malta l-Prim Ministru għandu pożizzjoni b’saħħitha biex jaħtar il-ġudikatura u fi kliemha dan iwassal għan-nuqqas ta’ bilanċi u kontrolli.

Dwar l-AirMalta hu qal li l-Gvern ħa sogru billi kabbar il-kumpanija minkejja li qatt daqs illum m’hawn kumpaniji li joperaw lejn pajjiżna. Huwa qal li l-linja nazzjonali topera f’suq iebes li jinbidel kull tliet xhur iżda l-viżjoni tal-Gvern għal Air Malta hi li ssir il-linja tal-arju tal-Mediterran kollu.

Il-Prim Ministru stieden lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia biex imur għand maġistrat ħalli jinvestigah fid-dawl tal-allegazzjonijiet li qed isiru mill-FIAU.

Huwa qal li l-kontijiet isiru fl-aħħar tas-sena u minkejja li l-oppożizzjoni ħarġet tgħajjat wara l-aħħar statistika turi li l-Gvern fl-ewwel xahrejn tas-sena rreġistra deficit, il-Gvern se jkun qed jagħmel surplus ieħor.

Muscat qal li Malta huwa l-aqwa pajjiż fid-dinja għal ugwaljanza u kontra l- omofobija.

Muscat mhux kredibbli – PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista qal li rapporti internazzjonali u Ewropej fosthom tal-Kummissjoni Ewropea jikkundannaw n-nuqqas ta’ pjan tal-Gvern, u jikkritikaw in-nuqqas ta’ ħeġġa f’bosta setturi.

Skont il-PN minħabba f’hekk, Joseph Muscat mhux kredibbli meta jgħid li quddiem l-isfidi l-Gvern joħloq l-opportunitajiet, għaliex il-Gvern Laburista m’għandux pjan fit-tul u l-mudell ekonomiku tiegħu li jkabbar l-popolazzjoni bla pjan qed joħloq diffikultajiet f’ħafna setturi.