Minn għada, l-petrol bla ċomb se jogħla b’ewro ċenteżmu

Minn għada t-Tnejn l-1 t’April, l-prezz tal-petrol bla ċomb se jogħla b’ewro ċenteżmu biex b’hekk issa se jiġi jiswa €1.49 kull litru. Il-korporazzjoni Ene Malta ħabbret ukoll li d-diesel u l-kerosene se jibqgħu bl-istess prezz, jiġifieri ta’ €1.38 kull litru. Il-gas-oil ukoll se jogħla b’ewro ċenteżmu u għalhekk se jinbiegħ bil-prezz ta’ €1.08 kull litru.

Il-korporazzjoni Ene Malta sostniet li l-bidla fil-prezzijiet tirrifletti l-prezzijiet li bihom il-korporazzjoni xtrat l-aħħar konsenja ta’ fuel f’Marzu. Filwaqt li kien hemm roħs fil-prezzijiet mill-aħħar konsenja li nxtrat f’Jannar, il-valur tal-ewro naqas meta mqabbel mad-dollaru Amerikan u għalhekk dan wassal għaż-żjieda ta’ ewro ċenteżmu fil-prezz tal-petrol għal matul ix-xahar t’April.