Jogħlew il-prodotti tal-ħalib

Aġġornata 20 ta’ Ottubru 2018

Mil-lum se jidħlu fis-seħħ prezzijiet rakkommandati ġodda għall-prodotti tal-ħalib tal-kumpanija Benna, skont kelliem għall-kumpanija.

Kelliem għall-Benna kkonferma ma’ Newsbook.com.mt li mil-lum is-Sibt se jidħlu fis-seħħ gwidi ġodda għal prezzijiet għal ċertu prodotti tal-kumpanija. Il-ħwienet m’humiex obbligati bil-liġi li jżommu ma’ din il-gwida, però ċertu prodotti jkollhom prezz li ma tantx ivarja minn ħanut għall-ieħor.

Newsbook.com.mt ma rċieva l-ebda risposta dwar liema prodotti se jkunu qed jogħlew fil-prezz. Is-sit NetNews elenka numru ta’ prodotti bi prezzijiet riveduti fosthom il-ogurt, l-irkotta, il-mozzarella, il-ġbejniet u il-butir. Kelliem għall-Benna qal li kien hemm informazzjoni skorretta f’din il-lista, però ma tax aktar dettalji ħlief li l-prezz tal-ħalib frisk ma żdiedx. Qal li ma saritx konsultazzjoni mal-pubbliku dwar il-prezzijiet il-ġodda.

Il-kelliem qal li wara sitt snin ta’ prezzijiet li baqgħu l-istess, il-Benna kellha żżid il-prezzijiet minħabba li għolew ċertu materjali. Il-kumpanija qalet li ma tiflaħx li żżomm il-prezzijiet l-istess. Madanakollu qalet li se tispera li tkun tista’ żżomm il-prezz stabbli fis-snin li ġejjin.