Mil-lum: Jogħla l-prezz tal-petrol u d-diesel

Mil-lum, il-prezz tal-petrol u d-diesel se jogħla, però l-Gvern qal li l-Maltin xorta se jkunu qed iħallsu inqas mill-medja Ewropea.

Fi stqarrija, l-Enemed qalet li l-prezzijiet se jkunu riveduti kif ġej:

  • Il-prezz tal-Petrol magħruf bħala E-Unleaded se jitla’ minn €1.31 il-litru għal €1.36 il-litru
  • Il-prezz tad-diesel magħruf bħala E-Diesel se jitla’ minn €1.18 il-litru għal €1.23 il-litru
  • Il-prezz tal-Petrol Super magħruf bħala E-Power se jitla’ minn €1.46 il-litru għal €1.51 il-litru

Fl-istqarrija li ntbgħatet lill-midja għall-ħabta tas-6:30 pm, l-Enemed ma tat l-ebda raġuni għalfejn kien hemm din iż-żieda fil-prezzijiet.

Il-Maltin xorta jħallsu inqas mill-medja Ewropea – Il-Ministeru għall-Enerġija

F’reazzjoni għall-istqarrija tal-Enemed, il-Ministeru għall-Enerġija qal li minkejja ż-żieda fil-prezzijiet, l-konsumaturi Maltin se jkunu qed iħallsu 9ċ inqas għall-petrol u 11ċ5 inqas mill-medja Ewropea għad-diesel.

Skont il-Ministeru, hemm 8 pajjiżi Ewropej li għandhom prezz tad-diesel irħas minn dak ta’ Malta.

Il-Ministeru qal ukoll li meta mqabbel mal-ewwel xahar wara l-bidla fil-Gvern fl-2013, il-prezz tal-petrol huwa 15ċ orħos waqt li d-diesel huwa 17ċ orħos.

Il-Ministeru qal li l-politika ta’ stabilità tal-Gvern ħalliet stabilità għal aktar minn 82 ġimgħa konsekuttivi. “Din il-politika tal-Gvern wasslet biex bħala medja tul dawn it-82 ġimgħa l-prezz tal-petrol f’Malta kien 6ċ orħos minn dak madwar l-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-prezz tad-diesel kien 7ċ orħos mill-medja f’pajjiżi oħra Ewropej” żied jgħid il-Ministeru.

Il-Ministeru temm jgħid li l-bidla fil-prezz internazzjonali taż-żejt wasslet biex il-prezz medju tal-petrol fl-Unjoni Ewropea żdied b’10ċ minn nofs Marzu ’l hawn, filwaqt li bħala medja l-prezz tad-diesel ogħla b’9ċ.

Reazzjoni tal-PN

F’reazzjoni għall-aħbar dwar iż-żieda fil-prezzijiet, il-Partit Nazzjonalista qal li l-poplu Malti u Għawdxi se jħallas għal prezzijiet aktar għoljin minkejja l-wegħda tal-Gvern Laburista li ma jgħolliex il-prezzijiet.

Il-Viċi Kap u Kelliem għall-Enerġija tal-Partit Nazzjonalista David Agius qal li ż-żidied ta’ 5ċ kull litru għall-petrol u anke għad diesel qed iseħħu meta l-familji u n-negozji Maltin l-iktar li qed iqattghu ħin fit-traffiku u jikkunsmaw fjuwil minħabba l-eqqel tas-sajf.