Aġġornata: Minn għada jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa mill-art

Read in English.

Minn għada l-Ħadd l-1 ta’ Settembru se jiftaħ l-istaġun tal-kaċċa mill-art li se jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Jannar tal-2020, iż-żewġ dati inklużi.

Dan qalitu l-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK) fi stqarrija fejn ħeġġet lill-membri tagħha sabiex josservaw ir-regolamenti u l-liġijiet rispettivi, jikkoperaw mal-pulizija u l-awtoritajiet kompetenti u ma jaqawx vittmi ta’ xi provokazzjonijiet minn kwalunkwe entitajiet jew individwi.

X’għandek tkun taf dwar l-istaġun tal-kaċċa?

  • Il-kaċċa tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx, ħlief għall-Ħdud u btajjel pubbliċi, meta l-kaċċa trid tieqaf fis-1pm, u għall-perjodu mill-15 ta’ Settembru sas-7 ta’ Ottubru ż-żewġ ġranet inklużi, meta l-kaċċa trid tieqaf fis-7pm ta’ filgħaxija, ħlief għall-Ħdud u btajjel pubbliċi waqt dan il-perjodu meta l-kaċċa xorta għanda tieqaf fis-1pm;
  • Il-kaċċa għall-gamiem tista’ ssir biss bejn l-1 u t-30 ta’ Settembru, u hemm fis-seħħ kwota nazzjonali ta’ qbid ta’ massimu ta’ 7000 gamiema;
  • Il-qbid tal-kaċċa irid jiġi irrapurtat permezz ta’ SMS fuq numru li se jipprovdu l-WBRU, kull darba li l-kaċċatur ikun se jieqaf mill-kaċċa u jkun se jitlaq minn fuq il-post tal-kaċċa.
  • L-istaġun tal-kaċċa u l-qbid tal-fenek selvaġġ jibqa’ miftuh sal-31 ta’ Diċembru.

Is-Segretarjat Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali qal li l-istaġun tal-kaċċa mill-art se jiftaħ għada, il-Ħadd 1 ta’ Settembru 2019 u se jibqa’ sejjer sal-31 ta’ Jannar 2020, iż-żewġ ġranet inklużi.

Fi stqarrija, is-Segretarjat qal li l-kaċċa tista’ ssir minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżul ix-xemx, ħlief għall-Ħdud u l-Festi Pubbliċi, meta l-kaċċa trid tieqaf fis-1.00pm, u għall-perjodu mill-15 ta’ Settembru sas-7 ta’ Ottubru ż-żewġ ġranet inklużi, meta l-kaċċa trid tieqaf fis-7pm, ħlief għall-Ħdud u l-Festi Pubbliċi waqt dan il-perjodu meta l-kaċċa xorta għandha tieqaf fis-1pm.

Il-kaċċa għall-gamiem tista’ ssir biss mill-1 sat-30 ta’ Settembru, u hemm fis-seħħ kwota nazzjonali ta’ qbid li hija massimu ta’ 7,000 gamiema.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja, Sajd u Drittijiet tal-Annimali  Clint Camilleri insista li dan il-Gvern mhuwa se jittollera l-ebda abbuż.

Is-Segretarju Parlamentari Clint Camilleri fakkar li l-qbid tal-kaċċa jrid jiġi rrapurtat lid-WBRU permezz ta’ SMS fuq 79398550, kull darba li l-kaċċatur ikun se jieqaf mill-kaċċa u jkun se jitlaq minn fuq il-post tal-kaċċa.

Il-kodiċi ta’ kull speċi u r-reġjuni għandhom jintbagħtu skont il-ktejjeb l-aħdar tal-kaċċa.

L-istaġun tal-kaċċa u l-qbid tal-fenek salvaġġ jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Diċembru.

Filmat: Jisparaw fuq 3 tajr protett; Birdlife titlob azzjoni mill-PM