Minn għada jibdew jitqassmu ċ-ċekkijiet tal-Gvern

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li minn għada se jitqassam ċekk lil kull ħaddiem, part-time jew full-time.

Din hija t-tielet sena konsekuttiva li fiha se jitqassmu dawn iċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa.

Il-Ministru Scicluna spjega l-ammont li se jitħallas ivarja minn €40 sa massimu ta’ €68, skont id-dħul gross mix-xogħol tal-individwu. Min jaqla’ l-inqas se jirċievi l-akbar ammont, u għalhekk, skont il-Ministru, din il-miżura mistennija tikkontribwixxi għal aktar tnaqqis fir-rata ta’ nies f’riskju ta’ faqar f’Malta.

Din il-miżura se jibbenefikaw minnha 211,887 ħaddiem, u se tiġi tiswa lill-Gvern €11.5 miljun. Dan ifisser li fi tliet snin, b’din il-miżura, il-Gvern se jkun ta lura madwar €35 miljun lil dawk li jaħdmu.

Għal aktar informazzjoni wieħed għandu jċempel fuq in-numru 153, li se jassisti lill-publiku fuq din il-miżura minn nhar it-Tnejn 22 ta’ Ġunju.