Minn għada jerġgħu jibdew isajru fiċ-ċentri

Qabel il-11am ta’ għada se jkunu ġew sospiżi d-direttivi li ordnat il-UĦM – Voice of the Workers lill-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport hekk kif għada stess mistennija ssir laqgħa bit-tama li tinstab soluzzjoni. Dan ikkonfermah fi stqarrija s-Segretarjat Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità.

Fis-7 ta’ Settembru l-UĦM Voice of the Workers ordnat lill-ħaddiema ta’ Aġenzija Sapport biex isegwu bosta direttivi b’effett immedjat fosthom li ma jsajrux fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għal persuni b’diżabilità, ma jkun hemm l-ebda tip ta’ komunikazzjoni, ma jieħdux ordnijiet mill-maniġment u ma jieħdux sehem f’workshops u seminars għall-ġenituri fost bosta oħrajn.

Dawn id-direttivi se jiġu sospiżi hekk kif is-Segretarju Permanenti għas-Solidarjetà Soċjali Mark Musú stieden lill-UĦM – Voice of the Workers biex tersaq għad-diskussjoni dwar l-aħħar pendenza li fadal.

Min-naħa tiegħu s-Segretarjat Parlamentari sostna li kien jistenna li l-azzjonijiet jiġu sospiżi b’effett immedjat għall-benefiċċju tal-mijiet ta’ persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. Temm jgħid li jittama li jintlaħaq il-qbil meħtieġ.

“Il-Gvern ma jistax jibqa’ jitnikker fuq il-ftehim kollettiv” – PN

Il-Partit Nazzjonalista sostna li t-tnikkir tal-Gvern fuq il-ftehim kollettiv fl-Aġenzija Sapport qed iwassal għal tbatija fuq persuni b’diżabilità. Dan qaluh fi stqarrija fejn fakkru kif il-ftehim kollettiv ta’ dawn il-ħaddiema ilu skadut sentejn, iżda l-Gvern għadu ma wasalx biex jagħlqu.

L-istqarrija tispjega kif Aġenzija Sapport kienet twaqqfet fl-2003 minn Gvern Nazzjonalista biex tagħti servizzi ta’ appoġġ lill-komunità tal-persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom ħalli dawn il-persuni jibqgħu jgħixu fil-qalba tal-lokalitajiet tagħna.