Minn għada, il-petrol bla ċomb se jogħla bi tliet ewro ċenteżmi

Minn għada t-Tnejn, il-prezz tal-petrol bla ċomb se jogħla bi tliet ewro ċenteżmi għal €1.49 kull litru. Il-korporazzjoni EneMalta ħabret ukoll li d-diesel u l-kerosene għax-xaħar ta’ Settembru se jogħlew b’ewro ċenteżmu għal €1.38 kull litru. Intqal ukoll li m’hu se jkun hemm l-ebda tibdil fil-prezz tal-gas-oil u għalhekk dan se jibqa’ jinbiegħ għal €1.02 kull litru.

Il-korporazzjoni EneMalta sostniet li l-prezzijiet għax-xahar ta’ Settembru jirriflettu l-aħħar prezzijiet tal-konsenji ta’ fuel impurtat matul Awwissu, b’dak li qed jiġri fis-Sirja ukoll jiġi rifless f’żieda fil-prezzijiet minħabba spekulazzjonijiet li l-pajjiżi fil-punent jistgħu jieħdu azzjonijiet militari kontra s-Sirja.