Minn għada: Ċekk ta’ €15 jew €35 mill-Gvern

Read in English.

Il-Gvern ħabbar li se jintbagħat ċekk ta’ €15 għal kull familja b’persuna waħda, u ċekk ta’ €35 għal familji b’iżjed minn persuna waħda.

Il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna ħabbar li se tidħol fis-seħħ il-wegħda tal-baġit li se jingħata bonus addizzjonali ta’ darba lil kull familja għal xi żidiet li kienu saru f’xi prodotti, bħala kumpens. Dan ħabbru waqt konferenza stampa dalgħodu.

Iċ-ċekkijiet se jibdew jintbagħtu għada u jibqgħu jintbagħtu sas-17 ta’ Frar. Il-Ministru qal li dawn iċ-ċekkijiet se jkunu ffinanzjati mill-Gvern, u mhux mill-ħaddiema.

Dan il-bonus se jiswa lill-Gvern €5.3 miljun. Se jibbenefikaw minnu 181,087 residenza f’Malta u Għawdex, jiġifieri 52,382 familja jgħixu waħedhom u 128,705 familji b’iżjed minn persuna waħda.

In-numru ta’ customer care 153 se jkun disponibbli mill-ġimgħa d-dieħla, iżda l-Ministru talab biex min ma jirċevix iċ-ċekk sa nhar it-Tnejn li ġej jagħti ftit ċans qabel iċempel.