Minn garaxx ċkejken għal żewġ biljun dollaru fis-sena

Minn garaxx ibiegħ il-kotba għall-aktar bniedem li għandu ġid fid-dinja. Din hija l-istorja ta’ suċċess li għamel il-Kap Eżekuttiv ta’ Amazon.com Inc. Jeff Bezos. Bezos kien ħoloq il-kumpanija lura fl-1994 minn ġewwa garaxx ibigħ il-kotba online. Issa Bezos huwa meqjus bħala l-bniedem li għandu l-iktar ġid fid-dinja, bit-tmexxija ta’ intrapriża b’iktar minn 200 biljun dolloru fis-sena f’bejgħ u b’impjiegi li jgħoddu l-575 elf ħaddiem.

Matul il-ġimgħa li għaddiet il-kumpanija Amazon.com Inc. laħqet, għal ftit ħin, għall-ewwel darba il-valur fuq is-suq ta’ triljun dollaru Amerikan, biex hekk laħqet ir-rekord tal-ġgant Apple Inc.

Minkejja li Amazon kellu bidu pjuttost umli, l-affarijiet bdew jieħdu svolta mgħaġġla fl-aħħar snin. L-ishma tal-kumpanija ittripplikaw fl-aħħar tlett snin.  Kompetituri oħrajn f’dan is-settur bħal Microsoft Corp. U Alphabet Inc. qiegħdin jersqu wkoll viċin lejn iċ-ċifra. Analisti ekonomiċi jikkummentaw li s-saħħa ta’ Amazon hija tali li hekk kif ikun hemm għidut li Amazon taf tkun interessata f’xi investimenti f’business partikolari iħalli ipatt fuq il-valur ta’ diversi stocks.

X’kien is-suċċess wara Amazon?

Kif bosta li jużaw is-servizzi onlajn ta’ Amazon jafu, din il-kumpanija bdiet bl-iskop li tbiegħ il-kotba onlajn bi prezzijiet vantaġġjużi, fejn imbagħad matul is-snin kabbret l-operat tagħha u bdiet tbiegħ mużika, ċinematografija, ġugarelli u elettronika. Iżda ċ-ċavetta li tagħat ‘competitive advantage’ lil kumpanija kienet il-ħsieb dejjem toffri servizzi innovattivi ħafna għal żmienhom. Fosthom il-ħolqien tal-‘online marketplace’ li permezz tiegħu Amazon ħolqot netwerk ta’ miljuni ta’ users li setgħu jużaw din il-pjattaforma biex ibiegħu l-prodotti tagħhom. Din l-inizjattiva mhux biss għenet lil users ibiegħu u jixtru b’iktar faċilità u b’inqas spejjeż, iżda fl-istess waqt ħolqot l-ikbar maħżen virtwali ta’ prodotti mingħajr il-bżonn fiżiku li Amazon iżżomm hi stess dawn il-prodotti.

Il-poter ta’ Amazon kompla jissaħħaħ bl-introduzzjoni tas-servizz tal-cloud computing imsejjaħ Amazon Web Services. Din l-inizjattiva għenet lil miljuni ta’ kumpaniji li kellhom bżonn servizzi, fost l-oħrajn ta’ data storage, mingħajr ma’ jidħlu fi spejjeż żejda ta’ infrastruttura u makkinarji ġodda. Bl-unika spiża tkun il-ħlas ta’ miżati ferm kompetittivi lill-Amazon stess.

Iżda l-ikbar suċċess għall-Amazon seħħ bl-introduzzjoni tal-Prime Membership li ddaħħlet fl-2005.Din offriet prezzijiet iktar vantaġġjużi għall-klijenti regolari tagħha permezz ta’ membership fee żgħira kull sena.

Biża li l-investimenti ma jrendux

Minkejja dan is-suċċess, kien hemm żminijiet fejn Bezos kien qed jiġi kkritikat li l-investimenti li kien qed jagħmel biex jinvesti fit-tul kienu qed itellfu bil-bosta l-qliegħ tal-kumpanija b’riskju fuq it-tkabbir futur tagħha. Din il-kritika kienet issaħħett ukoll fl-2014 meta l-inizjattiva tal-‘Fire’ Smartphone marret ħażin ħafna. Iżda s-suċċess f’dan is-settur kien biss mumenti l-bogħod hekk kif Amazon introduċiet l-Echo u l-Alexa digital assistant.

X’hemm fl-orizzont?

Amazon għandha diversi sfidi quddiema. Minkejja dan għandha l-ħsieb li tkompli tkabbar l-operat tagħha, fosthom qeda fil-proċess li tiftaħ headquarters oħra fl-Istati Uniti, kif ukoll li tirrepplika s-suċċess tagħha barra mill-Amerka. Dan minkejja l-kritika li xi kultant taqla, minn wieħed mill-ikbar kritiċi tagħha, ħadd ħlief il-President Amerikan Donald Trump.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net Tel.
21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net.

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.