Minn Franklin Calleja għal Alexander Rybak: I’m Still Here

I’m Still Here hija silta mużikali li dawk kollha li jsegwu x-xena mużikali lokali jafuha minn Franklin Calleja. Din il-kanzunetta mil-lum qed terġa’ tindaqq mill-ġdid din id-darba bil-vuċi tal-kantant Alexander Rybak, li 10 snin rebaħ il-Eurovision bil-kanzunetta Fairytale.

Għalkemm I’m Still Here oriġinarjament nafuha minn Franklin Calleja fil-Malta Eurovision Song Contest tal-2015, il-kanzunetta hija miktuba minn Rybak stess.

“Din hija waħda mill-ħafna kanzunetti li ktibt għal artisti oħra. Oriġinarjament ġiet interpretata b’mod sabiħ ferm minn Franklin Calleja fl-2015 u hekk kif dan l-aħħar sibt il-kanzunetta fuq l-“ixkaffa” bosta snin wara, iddeċidejt li nirrekordjaha. Inħoss li permezz ta’ din il-kanzunetta nista’ niftaħ qalbi ħafna,” ikkummenta Alexander Rybak.

Il-kantant kompla biex jistqarr li I’m Still Here hija kanzunetta ballad li hu qed jiddedika lill-fans kollha tiegħu madwar id-dinja li tawh appoġġ tul dawn l-aħħar 10 snin minn mindu kiseb is-suċċess bil-kanzunetta Fairytale.

Minn mindu rebaħ il-Eurovision SOng Contest fl-2009 bil-kanzunetta Fairytale, Alexander Rybak sar segwit ferm. Żewġ vidjos fuq il-YouTube qabżu l-miljun view filwaqt li ħafna oħrajn isegwuh permezz ta’ Facebook, Instagram u YouTube.

Rybak ħareġ ukoll il-vidjo mużikali ta’ din il-kanzunetta:

Barra minn hekk, Alexander Rybak jinsab impenjat jaħdem fuq il-musical ibbażżat fuq il-ktieb best seller tiegħu Trolle. Dan il-musical mistenni jiddebutta fin-Norveġja fi żmien il-Milied, u sadattant Rybak qed iwiegħed lis-segwaċi tiegħu li se jkun qed joħroġ aktar singles.

Segwi hawn taħt il-wirja li Alexander Rybak ta fil-Eurovision Song Contest, 10 snin ilu: