Minn fabbrika tal-ġelat għal 11-il sular ta’ uffiċini

Jekk tkun approvata applikazzjoni li hemm pendenti quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, il-fabbrika tal-Wembley, li bħalissa għandha għoli medju ta' żewġ sulari, issir binja ta' mill-anqas 11-il sular. Minn fabbrika tal-ġelat fil-Gżira se tinbidel fi spazju għall-uffiċini.
L-ewwel proposta kienet li binja tkun għolja 18-il sular. L-applikazzjoni nbidlet għal 11-il sular, jiġifieri għoli ta’ 55 metru, b’parkeġġ taħt l-art ta’ erba' sulari.
Ghalkemm dan jidher qisu jnaqqas l-impatt qawwi li din il-binja, jekk tiġi approvata jkollha fuq l-infrastruttura tal-lokalità, 11-il sular huma xorta 7 sulari ogħla mill-għoli approvat skont il-pjan lokali. Fl-istess inħawi wkoll għadu għaddej il-proġett Metropolis li huwa għoli 16-il sular.
Mill-pjanti wieħed jista' jara kif is-saqaf qed ikun propost forma ta’ arkata differenti ferm mill-bini preżenti. Id-disinn huwa wieħed differenti minn dak li s-soltu qed jinbena f'Malta f'binjiet għolja.
Meta l-proposta kienet għadha ta’ 18-il sular, ir-residenti tal-inħawi kienu ppreżentaw petizzjoni flimkien mal-oġġezzjoni tagħhom għall-iżvilupp. Fl-ittra tagħhom huma kienu lmentaw li bħalissa diġà hemm problema ta’ parkeġġ li taffettwa r-residenti tal-madwar. Mhux biss, hemm problema ta’ parkeġġ illegali. Sostnew li fl-istess triq hemm ħanut kbir tal-merkanzija li matul il-ġurnata spiss ikun hemm trakkijiet biex iħottu l-merkanzija.
L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi talbet studji dwar iż-żieda tat-traffiku.
L-għaqda ambjentali Din l-Art Ħelwa, oġġezzjonat għal dan l-iżvilupp. Fl-oġġezzjoni tagħha hi qalet li l-iżvilupp ma jżommx mal-Floor to Area Ratio Policy. Skont din il-policy, aktar ma tgholli fil-bini, aktar trid tħalli spazju miftuħ fil-madwar.
Din l-Art Ħelwa qalet li skont il-pjanti sottomessi, jidher li s-sular t’isfel se jkun żviluppat mingħajr spazju miftuħ jew ta’ benefiċċju għall-pubbliku. Din l-Art Ħelwa saħqet li l-binja tal-Wembley għandha tkun ikkunsidrata għal preservazzjoni minħabba li hu bini industrijali.
Is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali qal li din il-binja hi eżempju ta’ bini industrijali mill-perjodu bejn il-gwerer.