Minn din is-sena se tkun iċċelebrata l-Festa tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm il-Knisja

Il-Kongregazzjoni tal-Kult Divin u d-Dixxiplina tas-Sagramenti qalet li minn din is-sena, il-festa tal-Verġni Mqaddsa Marija, Omm il-Knisja, għandha tibda tkun iċċelebrata kullimkien fil-Knisja Kattolika.
Avviż mibgħut minn din il-Kongregazzjon jikkjarifika li din hi festa obbligatorja u trid tkun iċċelebrata fil-forma Ordinarja tar-Rit Ruman fl-ewwel ġurnata tat-Tnejn wara l-Pentekoste.
L-Avviż, iffirmat mill-Kardinal Robert Sarah, Prefett tal-Kongregazzjoni jgħid li hemm eċċezzjoni skont ir-rubriki tal-Missal Ruman, fejn it-Tnejn jew it-Tlieta ta’ wara l-Pentekoste huma ġranet li fihom il-fidili huma obbligati jisimgħu l-quddies, tista’ tkun ripetuta l-quddiesa tal-Pentekoste jew Quddiesa tal-Ispirtu s-Santu.
Iżda d-dokument jinsisti li “jekk kollox hu l-istess it-tifkira obbligatorja tal-Verġni Mqaddsa Marija Omm il-Knisja għandha tieħu preferenza”.
Billi l-Pentekoste m’għandux ġurnata fissa imma hu marbut tal-festa tal-Għid il-Kbir, jista’ jkun li t-tifkira tal-Madonna Omm il-Knisja taħbat mal-festa ta’ xi qaddis ieħor. 
Meta jiġri hekk, il-festa tal-Madonna Omm il-Knisja tieħu preċedenza.
Din il-festa ġdida ddaħlet fil-Kalendarju tal-Knisja aktar kmieni din is-sena mill-Papa Franġisku, b’digriet bid-data tal-11 ta’ Frar 2018 li kien il-160 annoiversarju mid-dehra tal-Madonna f’Lourdes. 
Qabel kien ingħata permess biex tkun iċċelebrata Festa tal-Madonna lill-Polonja, l-Arġentina u l-Bażilika ta’ San Pietru u lil diversi Ordnijiet u Kongregazzjonijiet Reliġjużi.
It-tilu “Madonna Omm il-Knisja” kien ingħata lill-Madonna mill-Beatu Papa Pawlu VI, waqt il-Konċilju Vatikan II. 
Il-maternità tal-Madonna għall-Knisja, bħala kunċett żviluppa wara l-Konċilju, partikolarment għaliex il-Knisja rriflettiet fuq it-tagħlim tal-Konċilju Vatikan II dwar il-Madonna kif joħroġ mill-Kostituzzjoni Dommatiku dwar il-Knsija – “Lumen Gentium”.