Minn din il-ġimgħa l-anzjani jirċievu pagamenti sa €300

Minn din il-ġimgħa, kważi 40,000 anzjan u anzjana se jkunu qed jirċievu pagamenti li jvarjaw bejn €150 u €300 fis-sena.
Anzjani li għandhom ‘il fuq minn 75 sena u li għadhom qed jgħixu fi djarhom se jingħataw €300.
Apparti minn hekk, l-anzjani li laħqu l-età tal-pensjoni, iżda għadhom ma għalqux 75 sena u ma ħallsux biżżejjed bolol biex jieħdu pensjoni, se jingħata bonus ta’ €250 jew €150 fis-sena.
B’kollox se jitħallsu wkoll 27,572 persuna li jaqgħu taħt is-Senior Citizen Grant.
Intant 12,305 persuna, li numru sostanzjali minnhom huma nisa, li jkunu laħqu l-età tal-pensjoni iżda għadhom ma għalqux 75 sena u li ma jkunux ħallsu biżżejjed bolol biex jieħdu pensjoni, se jieħdu bejniethom aktar minn €2,400,000.
Dawn l-għotjiet jingħaqdu maż-żidiet fil-pensjoni li ngħataw lill-anzjani.