“Minn dejjem għidna li Fenech kellu jitneħħa mill-Bord tad-Diretturi” – Siemens

Read in English.

Il-Kumpanija Siemens li għandha sehem ta’ minoranza fl-Electrogas Malta Ltd qalet li malli ħarġu l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Yorgen Fenech u l-kumpanija 17 Black hi talbet sabiex jitneħħa mill-Bord tad-Diretturi.

Kelliem għall-kumpanija qal ma’ Newsbook.com.mt li mal-ħruġ tal-allegazzjonijiet, il-kumpanija kienet indirizzat dan mal-kumpaniji l-oħrajn li huma sidien tal-Electrogas Ltd. Qalet li kkonfrontat ukoll lil Fenech inniffsu dwar l-akkużi li ħarġu fil-media u staqsietu biex jgħid x’inhi l-pożizzjoni tiegħu dwarhom. Hu dejjem qal li l-allegazzjonijiet mhumiex veritieri.

Aqra: Sid 17 Black jirriżenja minn Tumas Group

Għaldaqstant, il-kumpanija laqgħet ir-riżenja riċenti ta’ Fenech mill-Bord tad-Diretturi filwaqt li jidher li diġà ssemma rappreżentant ġdid li se jieħu postu. Siemens insistiet li hi m’għandha l-ebda indikazzjonijiet ta’ ksur ta’ liġijiet minn persuni rappreżentanti tal-kumpanija, l-ħaddiema jew persuni oħrajn mill-Electrogas stess.

Propju lbieraħ ħareġ li Fenech irriżenja minn Tumas Group. Fenech kien id-Direttur u r-rappreżentant legali u ġudizzjarju ta’ Tumas Group Company Ltd. Postu fil-kumpanija ħadu ħuh Franco Fenech. Skont dokumenti sottomessi mar-Reġistru tal-Kumpaniji, ir-riżenja ta’ Fenech waslet fid-19 ta’ Novembru, bid-data effettiva tad-dokument hija t-12 ta’ Novembru. Wara dan kollu, il-valur tal-ishma ta’ Tumas Investments niżlu b’6.54% fil-valur kummerċjali.

Aqra: Assassinju Daphne: Jinħareġ il-mandat ta’ arrest għal Yorgen Fenech

lbieraħ ġie arrestat Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black. Aktar tard ħareġ mandat t’arrest iffirmat minn Maġistrat b’rabta mal-assassinju. Bosta entitajiet u rappreżentanti tal-komunitajiet għajtu għar-riżenja ta’ dawk kollha li fil-passat b’xi mod jew ieħor kienu se jidħlu f’negozji illeċiti mal-istess Fenech. Huma talbu wkoll ir-riżenja tal-Prim Ministru nniffsu talli falla milli jkeċċihom mill-pożizzjonijiet tagħhom fil-Gvern.

Aqra: Filmat: Assassinju Daphne: “Ma jidhirx li hemm politiċi involuti”

Aqra: Filmat: Assassinju Daphne: “Kien hemm aktar arresti” – Delia