Minn dan is-sajf se jingħataw revision classes fil-Bijoloġija

Fl-aħħar tliet snin, 2,097 student gawdew mill-programm tar-revision classes offrut b’xejn mill-Gvern fil-Matematika, Ingliż, Fiżika u l-Malti.
Din is-sena, apparti dawn is-suġġetti, se jkunu organizzati klassijiet tal-Bijoloġija għall-ewwel darba.
Il-klassijiet isiru fuq medda ta’ ħames ġimgħat, mill-aħħar ta’ Lulju sal-aħħar ta’ Awwissu u huma eliġibbli għalihom student li jġibu grad 6, 7 u U jew inkella kienu assenti fl-eżamijiet ta’ Mejju tal-O Levels.
Fil-Parlament, meta kien qed iwieġeb lid-Deputat Alex Muscat, il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li l-applikazzjonijiet jinfetħu malli jiġu ppubblikati r-riżultati u l-istudenti jingħataw past papers tal-aħħar ħames snin biex jistudjaw fuqhom.  
Meta kien qed iwieġeb mistoqsijiet tad-Deputat Silvio Grixti, il-Ministru Evarist Bartolo qal li s-sena li għaddiet biss, 770 żagħżugħ u żagħżugħa attendew għall-klassijiet matul is-sajf biex f’Settembru għamlu r-resit tas-Sec.
Minn dawn, 555 student ġabu marki aħjar milli kienu ġabu fl-eżamijiet ta’ Mejju.
Apparti minn hekk, mit-total ta’ 2,097 student li attendew il-klassijiet matul l-aħħar tliet snin, 1,907 iddeċidew li jkomplu l-edukazzjoni tagħhom fil-livell post sekondarju.