Minn ċentru wieħed issa mifruxa mal-gżira

Il-lezzjonijiet tal-arti u s-snajja’ f’dak li kien iċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri f’Għajnsielem issa qed jingħataw minn għadd ta’ ċentri mifruxa ma’ nħawi differenti t’Għawdex.
Xi korsijiet tas-snajja’ baqgħu jingħataw minn workshops f’dak li issa sar il-kampus tal-MCAST f’Għawdex waqt li korsijiet oħra qed jingħataw miċ-Ċentru tat-Tagħlim tal-Adulti li hemm fil-bini tas-Sixth Form fir-Rabat, f’kunsilli lokali u f’erba’ skejjel primarji f’Ta’ Sannat, fin-Nadur, fir-Rabat u fix-Xagħra.
Il-korsijiet tal-arti issa qed isiru f’dak li qed jissejjaħ Ċentru għall-Arti Viżwali u Performattiva li nfetaħ fix-Xewkija, u li fih qed isiru wkoll il-korsijiet ta’ dik li kienet l-Iskola tad-Drama li ċċaqilqet min-Nadur.
Il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal dan fil-Parlament fi tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari tad-deputat Nazzjonalista Chris Said.
Il-Ministru spjega li l-apparat kollu mixtri b’fondi tal-UE li kien hemm fl-Iskola tal-Arti issa jinsab fil-workshops tal-MCAST biex jintuża mill-istudenti tal-MCAST u mill-istudenti adulti.
Spjega li b’hekk il-Gvern mhux se jkollu jagħti lura fondi tal-UE li ngħataw għall-apparat.
Fiċ-Ċentru Għawdxi tal-Arti u l-Artiġġjanat Wistin Camilleri kienu jattendu iktar minn 1,000 student ta’ kull età.
Iċ-ċentru kien ġie estiż b’finanzjament mill-UE fi proġett ta’ €850,000 u kien ġie inawgurat fl-2008. Dan kien jinkludi klassijiet u swali ġodda u sular ta’ 10 garaxxijiet li kellhom jintużaw bħala Incubation Centre għan-negozji fl-artiġġjanat.