Minn BNF Bank, b’solidarjetà

Bħala turija ta’ solidarjetà mal-klijenti tiegħu kollha, kemm personali kif ukoll dawk tal-kummerċ, li ġew affettwati mit-tifqigħa tal-COVID-19, BNF Bank qed jibat messaġġ ta’ sapport u jwiegħed li ser jkun qed jagħmel l-almu tiegħu kollu biex ikun qrib tal-klijenti tiegħu f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

Il-Messaġġ ta’ BNF Bank plc:

Għażiż Klijent,

BNF Bank iħossu kburi li huwa bank tal-komunità billi jipprovdi assistenza fit-tul lill-klijenti leali u tant stmati tiegħu. F’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, aħna ser nkunu qed nagħmlu l-almu tagħna sabiex nagħtukom is-sapport tagħna kollu.

Bħala l-ewwel pass, ser nkunu qed nagħtu rifużjoni tal-miżati kollha relatati mal-ġbid ta’ flus minn kwalunkwe ATM ta’ banek oħrajn mil-lum sal-31 ta’ Marzu, sakemm ma tiġix estiża. Permezz ta’ dan inkunu qed ngħinu lill-klijenti tagħna sabiex ikunu jistgħu jiġbdu l-flus tagħhom b’iktar kumdita’.

Għamilna ħilitna biex nilħqu wkoll lill-klijenti tagħna fil-qasam tal-kummerċ sabiex naraw kif nistgħu nsibu metodi ta’ sapport f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida, u bħalissa għaddejjin bit-taħditiet magħhom. Fl-eventwalità li għadek ma ġejtx ikkuntattjat, nitolbuk biex tibagħtilna messaġġ permezz tal-BNF Internet Banking u aħna mbagħad inċemplulek mill-aktar fis biex niddiskutu xi tkun l-aħjar għajnuna li nistgħu nagħtu.

Qegħdin nagħmlu dan kollu b’sens ta’ empatija u responsabbiltà li huma l-valuri fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu fil-bank. Tistgħu isserrħu moħħkom fuq is-servizz u s-sapport tagħna.

Dejjem tiegħek,

BNF Bank