Minn Awwissu tista’ tredda’ b’kumdità fuq l-Air Malta

Fi ftit ġimgħat oħra, l-Air Malta se tintroduċi policy dwar it-treddigħ abbord l-ajruplani tagħha.
Newsbook.com.mt huwa infurmat, li l-linja nazzjonali tal-ajru se ddaħħal din il-policy fl-ewwel ġimgħa ta’ Awwissu, meta d-dinja tkun qed tfakkar il-ġimgħa ddedikata għat-treddigħ.
Kien f’Marzu li għadda, li Newsbook.com.mt irrapporta li minkejja li l-Air Malta tippermetti treddigħ abbord, m’għandhiex regoli uffiċjali. Dan wassal biex uffiċjali tal-Air Malta ltaqgħu mal-Assoċjazzjoni tal-Qwiebel Maltin (MMA) biex jiddiskutu din il-politika.
B’hekk minn Awwissu li ġej, l-ommijiet li jsiefru bit-trabi mal-Air Malta se jkunu jistgħu jreddgħu b’aktar kumdità. Il-linja tal-ajru se tkun qed toffrilhom tazza ilma kif ukoll imħadda jew kutra biex it-tarbija tkun aktar komda.
Min-naħa tagħha l-Air Malta nnotat li żdiedu l-ommijiet li jreddgħu abbord l-ajruplani tagħha, filwaqt li l-MMA tinkoraġġixxi lill-ommijiet li jkunu se jreddgħu, biex jinfurmaw lill-membri tal-ekwipaġġ.
B’hekk is-servizz li l-linja tal-ajru nazzjonali se tkun qed toffri lill-ommijiet, se jkun ferm aħjar minn dawk lil joffru l-Air Canada, il-Lufthansa, l-Air France u l-British Airways, li għalkemm jippermettu treddigħ abbord, m’għandhomx regoli uffiċjali.
L-ommijiet li jreddgħu fuq l-ajruplani tal-Air Malta se jiġu trattati bħal dawk li jivvjaġġaw bl-Alaska Airlines, il-Jet Blue Airlines u l-WestJet, li lkoll għandhom regoli ċari favur l-ommijiet bit-trabi.