Minn art verġni għal ħames sulari; rabja tar-residenti

Biċċa art f'Ħ'Attard li ngħatat għall-iżvilupp fl-2006 fost protesti kbar mir-residenti tal-inħawi se tkun żviluppata. 
Applikazzjoni bin-numru PA/10617/17 qed titlob permess biex jinbena garaxx għal għaxar karozzi taħt l-art, 9 appartamenti mill-ewwel sat-tielet sular kif ukoll żewġ penthouses. 
Dawn il-madwar 15-il tomna art jinsabu fi Triq Dun Mikiel Xerri f’Ħ’Attard u bħalissa huma art agrikola, bħalma kienu tul is-sekli. 
Is-sena l-oħra iktar minn 100 resident fiż-żona oġġezzjonaw kontra l-applikazzjoni ta’ zoning li kien hemm quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar, li kienet taħseb biex iżżid l-għadd ta sulari permissibbli.
Dan ifisser li minbarra li art verġni ngħatat għall-iżvilupp, id-densità tal-iżvilupp se tkun waħda għolja li żżid il-pressjoni fuq l-inħawi. Ħafna minn din l-art tintuża għall-agrikoltura filwaqt li l-ħamrija tgħin ittaffi l-problemi tal-għargħar li jaffaċċjaw ir-residenti tal-madwar għax iżżomm l-ilma.