Minn argument għall-qorti; jinħeles mill-arrest

Raġel inħeles mill-arrest wara li kien involut f’argument ma’ raġel ieħor li ħa xeħta vjolenti. Il-vittma spiċċa bi ġrieħi gravi f’wiċċu.

Ir-raġel ta’ 34 sena residenti Santa Venera tressaq il-qorti llum, akkużat li nhar il-Ġimgħa li għadda, f’San Pawl il-Baħar, huwa weġġa’ lil raġel meta dawn argumentaw fuq trailer ta’ dgħajsa li kien qiegħed fin-nofs.

Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjubin kontrih.

Fil-qorti ġie ssuġġerit li l-akkużat ma jitħalliex jersaq lejn il-post fejn ġara l-każ imma l-Avukata tad-Difiża Raisa Colombo argumentat li dan ikun inġust lejn il-qraba tal-akkużat, li huma innoċenti u li huma mdorrijin iżuru l-post fis-sajf.

Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Charmaine Galea, laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest b’garanzija personali ta’ €5,000 u bil-patt li r-raġel jiffirma l-għassa darbtejn fil-ġimgħa.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma.