Minn alkoholiku għal dalwaqt qaddis

Il-kappella dedikata lill-Venerabbli Matt Talbot

Fi Triq Sean McDermott f’Dublin hemm il-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes. Mhux post popolari mat-turisti imma fil-parroċċa hemm midfun il-Venerabbli Matt Talbot li kien alkoholiku. Issa beda l-proċess għall-beatifikazzjoni tiegħu u jista’ ma jdumx ma jsir qaddis.

Talbot twieled fl-1856 u kien it-tieni f’familja ta’ 12 ulied.  Hu diġa’ hu meqjus bħala patrun ta’ dawk li qed jiġġieldu l-vizzju tax-xorb. F’dak iż-żmien l-alkoholiżmu kien pjaga għall-familji foqra Irlandiżi bħall-familja Talbot.

Fl-età ta’ 12-il sena kien jaħdem jibbottilja l-birra u wara jħott il-wiskhy minn fuq vapuri li jaslu fil-port. Ta’ 27 sena, fqir u mkisser mill-vizzju, ħalef li jagħmel tliet xhur ma jixrobx u minn dak iż-żmien ma messx aktar alkohol ma’ ħalqu għall-bqija ta’ ħajtu. Minflok iddedika ruħu għat-talb, daħal fit-Terz Ordni Franġiskan u beda impenn soċjali u waqqaf il-Moviment tal-Ħaddiema Nsara.

Fit-3 ta’ Ottubru 1975, il-Papa Pawlu VI iddikjarah venerabbli b’digriet li rrikonoxxa il-virtujiet eroiċi tiegħu. Fi tmiem il-ġimgħa il-Papa Franġisku waqt li kien f’Dublin, waqaf iqim katina li kienet instabet ma’ ħwejjġu meta miet għall-għarrieda b’attakk tal-qalb fl-età ta’ 69 sena waqt li kien sejjer għall-Quddiesa tal-Ħadd fis-7 ta’ Ġunju 1925, festa tat-Trinità Qaddisa.  Il-katina kienet sinjal ta’ penitenza u devozzjoni.

Il-Papa Franġisku suppost li kellu jieqaf  għal ftit mumenti barra mill-Knisja iżda spontanjament iddeċieda li jidħol fil-knisja biex jitloq quddiem ir-relikwi tal-Venerabbli Talbot.

Il-Kappillan tal-parroċċa tal-Madonna ta’ Lourdes, is-Salesjan Michael Casey jgħid li l-Papa Ġwanni Pawlu II kellu devozzjoni kbira lejn Matt Talbot tant li kiteb ktejjeb dwar ħajtu u kien qed jittama li jkun hu li jikkanoniżah.

Anke l-Papa Pawlu VI, meta kien għadu Kardinal mar Dublin biex jitlob fuq il-qabar ta’ Matt Talbot u eventwalment kien hu li ddikjarah Venerabbli.

Il-Kappillan qal li l-ħajja ta’ Matt Talbot toffri tama kbira lin-nies. Ħajjtu tgħallimna li l-għatx tiegħu kien għal Alla Ħaj.

Il-parroċċa taħdem ħafna biex ixerred id-devozzjoni għall-Venerabbli Matt Talbot. Fr. Brian Lawless, Salesjan ieħor, hu l-viċi postulatur fil-kawża tal-beatifikazzjoni u qed jaħdem fuq livell nazzjonali u internazzjonli biex jippromwovi l-kawża tiegħu b’diversi modi.

Iż-żjara tal-Papa Franġisku biex jitlob fuq il-qabar ta’ Talbot ma kenitx ippjanata imma kien ġest simboliku ħafna u għall-parroċċa għandu sinjifikat speċjali. Il-komunità tħossha mbierka u nkoraġġita biż-żjara tal-Papa.