​Minn abbati għal “stilla li se tiddi”

Iż-żagħżugħ baritonu minn Għajnsielem Charles Buttiġieġ ġie deskritt bħala “stilla  li se tiddi fost kantanti oħra ta’ fama mondjali”.
Qal dan l-Arċipriet tal-parroċċa Dun Frankie Bajada meta tkellem dwar il-vuċi tal-baritonu Charles Buttiġieġ f’kunċert li ta fis-7 ta’ Ġunju  fil-Knisja Parrokkjali tal-Madonna Ta’ Loreto. 
Buttiġieġ li llum għandu 19-il sena, kien ukoll iservi bħala abbati fl-istess knisja fi tfulitu. 
Dan l-aħħar ġibed l-attenzjoni tat-tenur magħruf Joseph Calleja tant li fi żmien qasir se jmur l-Amerika fejn se jissokta jistudja l-kant. 
Fil-kunċert tiegħu, Buttiġieġ kien akkumpanjat fuq il-pjanu mill-Maestro Stephen Camilleri fejn fost l-oħrajn kanta l-Ave Maria ta’ Shubert, I’ll walk with God, u Non ti scordar di me
Dan il-kunċert ġie organizzat bis-sehem tal-Fondazzjoni Papa Ġwanni Pawlu t-Tieni u bl-għajnuna tal-Kunsill Lokali t’Għajnsielem.