Minn Aarhus fid-Danimarka għall-Belt Valletta

Il-Belt Valletta se ssegwi lill-belt Daniża fi ftit ġimgħat bħala l-Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018.
It-tema se tkun Island-Wide Festa li se tiċċelebra l-kultura Maltija, bil-Belt Valletta ċ-ċentru ta’ dan kollu. Dan hekk kif ilbieraħ sar l-għeluq tal-edizzjoni ta’ din is-sena fid-Danimarka.
Għal din iċ-ċerimonja attenda s-Segretarju Parlamentari Deo Debattista fejn spjega li waqt il-mawra fil-belt Daniża, fehem l-impatt li dan it-titlu kellu fuq l-identità tal-Belt.
Ħabbar li l-Gvern u l-Fondazzjoni Valletta 2018 se jwaqqfu Aġenzija għal-Legat Kulturali ta’ Valletta 2018, “biex l-artisti tagħna jibbenefikaw mill-istess opportunitajiet, l-istess spazji u l-istess parteċipazzjoni mill-udjenza wara l-2018”.
Sostna li “Aarhus u l-kapitali Maltija, Valletta, huma l-aqwa eżempju ta’ bliet storiċi b’ruħ moderna”. Fisser li t-tnejn huma l-post fejn isiru l-ikbar avvenimenti kulturali tal-pajjiż li jinkludu festivals b’temi differenti, teatru u mużika, u t-tnejn huma kontributuri ewlenin lejn is-settur kulturali tal-pajjiż.
Is-Segretarju Parlamentari qal li l-programm kulturali jestendi ruħu għal bliet u għal irħula oħra madwar Malta u Għawdex. Spjega li l-Fondazzjoni Valletta 2018 assigurat li l-programm jgħaqqad liċ-ċittadini flimkien biex jipparteċipaw f’dawn l-attivitajiet kulturali, jitgħallmu dwar il-passat tagħna u fuq kollox nuru t-talent lokali lit-350 artist internazzjonali li se jipparteċipaw.