‘Minn 6 snin f’Malta, 5 għamilhom fil-ħabs’; jinżamm arrestat wara argument

Read in English.

Raġel li joqgħod fiċ-Ċentru ta’ Detenzjoni ta’ Ħal Safi baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti akkużat li kien involut f’argument. Skont il-prosekuzzjoni, mis-sitt snin li ilu jgħix f’Malta, għamel ħamsa minnhom fil-ħabs diġà.

Fil-Qorti llum ir-raġel imwieled l-Eġittu wieġeb mhux ħati li kisser boiler, hedded uffiċċjali pubbliċi, li neża’ għarwien, u li rrenda ruħu reċediv.

Id-difiża talbet għall-ħelsien mill-arrest peress li l-argument li qam f’Ħal Safi ma kienx wieħed fiżiku u li ma weġġa’ ħadd fih. Il-prosekuzzjoni qalet li l-imputat ilu sitt snin jgħix Malta u li ħamsa minnhom għamilhom fil-ħabs.

“Għalkemm ilqajnieh f’pajjiżna ma tantx tagħhna grazzi,” qal l-ispettur.

Skont il-prosekuzzjoni l-argument qam wara li l-imputat ta lista għax-xiri lil xi uffiċjali fiċ-ċentru ta’ Ħal Safi. Fost oħrajn ried sigaretti u laned tal-corned beef. Wara li ma ġabulux kollox fuq il-lista minħabba raġunijiet ta’ sigurtà, l-akkużat allegatament beda jagħmel xi ħsarat, neża’ għarwien, u beda jhedded lill-uffiċjali li kien hemm.

Skont l-avukat tad-difiża dan kien mument ta’ żbroff.

Il-Qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat peress li m’għandux fejn joqgħod ħlief għaċ-ċentru ta’ detenzjoni, il-post fejn jaħdmu x-xhieda, kif ukoll fid-dawl tal-fedina penali tiegħu.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Trevor Micallef. L-avukat tad-difiża kien Martin Fenech. Il-Maġistrat kienet Charmaine Galea.