​Minn 583 għal kważi 5,000 fil-Malta Marathon

Din is-sena se jieħdu sehem 4,865-il persuna fil-Malta Marathon, attività li attirat 583-il parteċipant fl-1994.
Fi stqarrija l-organizzaturi qalu li għad-disa' sena konsekuttiva kien hemm numru rekord ta’ parteċipanti. Spjegaw li din se tkun għal din it-33-il edizzjoni tal-Malta Marathon il-karità uffiċjali se tkun l-Inspire.
Il-Vodafone Malta Marathon li se ssir nhar il-Ħadd illi ġej tkopri fiha 3 avvenimenti – il-maratona sħiħa, in-nofs maratona, u l-walkathon. Skont l-organizzaturi, in-numru ta’ parteċipanti Maltin din id-darba huwa inqas mill-ammont tas-sena l-oħra. Qalu li l-akbar numru ta’ atleti barranin li se jieħdu sehem ġejjin mir-Renju Unit, mill-Italja, u mill-Ġermanja.
L-atleta favorit li huwa mistenni li jirbaħ it-tellieqa huwa Mohamed Hajjy li rebaħ il-maratona sitt darbiet. Għan-nisa, Josann Attard Pulis se tkun qed tiġġieled biex tidħol fl-ewwel post għall-ħames darba konsekuttiva.
GħallHalf Marathon, Charlton Debono huwa l-Malti favorit li jikseb id-deheb u se jkun qed jikkompeti kontra Fabian Downs mill-Iżvizzera. Lisa Bezzina mistennija tkun l-ewwel Maltija li taqsam il-finish line u se tkun qed tiġri kontra Helena Eastham mir-Renju Unit.
Il-maratona tibda mill-Imdina u tispiċċa f’Tas-Sliema.
L-organizzaturi qed javżaw lis-sewwieqa biex jevitaw dawn iż-żoni:

  • Ta’ Qali 08:00-10:45am
  • Ħ’Attard 08:30-11:30am
  • Mrieħel Bypass 09:00-12:00pm
  • Marsa lejn Blata l-Bajda 09:30-12:30pm
  • Ħamrun lejn Blata l-Bajda 09:30-13:00pm
  • Il-Pietà, l-Imsida, il-Gżira, u tas-Sliema waterfront 09:30-13:30pm

Numru ta’ għaqdiet volontarji fosthom l-Attard Scouts, St Aloysius Scouts, Ħamrun Scouts, Lyceum Scouts, Mosta Scouts, Marsa Scouts, Stella Maris Scouts, St. Venera Scouts, u Żebbuġ Scouts se jkunu qed jipprovdu l-assistenza tagħhom matul ir-rotta.
Matul ir-rotta 33 banda se jkunu qed idoqqu bħala forma ta’ divertiment.
Ritratt: Vodafone Malta