Minn 25ċ għal €15 għal ‘siġġu’ fi klinika

Wara ilmenti mis-semmiegħa waqt programm fuq RTK dwar it-tariffi ta’ €15 għal ‘siġġu’ fi klinika jew spiżerija, uffiċjal mid-Dipartiment tal-Konsumatur se titlob lill-Kamra tal-Ispiżjara biex tindaga t-tariffi li wieħed iħallas lill-ispiżerija jew klinika privata biex jara tabib jew speċjalista.
Kienu bosta s-semmiegħa waqt il-programm Ta’ Kulħadd li qanqlu diskussjoni dwar kemm iwaħħlek tabib privat meta tmur għandu fi spiżerija jew klinika privata. Irriżulta li meta t-tariffa oriġinali kienet ta’ 25ċ, issa hemm min ikollu jħallas €15.
Joyce Borg, mid-Dipartiment tal-Konsumatur, qalet li m’hemmx limitu dwar kemm tabib jista’ jżomm lill-pazjent, iżda esprimiet it-tħassib tagħha għall-prezz ta’ €15, li qalet semgħetha l-ewwel darba u jidhrilha li hu għoli.
“Mhux sew li din it-tariffa bdiet b’25ċ u telgħet għal €15, u ma jistax ikun li jibqgħu jżiduha”, sostniet Borg.
Madankollu enfasizzat li bil-liġi, klinika privata trid tagħti rċevuta separata mill-ispiża tal-mediċini jew il-vista, u ssuġġeriet li l-ispiżerija tindika ċar il-prezz li wieħed iħallas lill-ispiżerija ta' dan ix-xogħol.
Joyce Borg iċċarat ukoll li din it-tariffa tmur sabiex il-klinika tkun tista’ titmexxa. Spjegat li dan ifisser li dak li jkun, ikun qed iħallas għat-telefonata, talli sarlu l-appuntament, u tal-post li fih qagħad jistenna, fost oħrajn.
Għalkemm mhix regolamentata, Borg tat parir lill-ispiżeriji sabiex dawn jibdew jiktbu t-tariffa li wieħed mistenni jħallas, sabiex il-persuna tkun avżata minn qabel ma tidħol biex tinqeda jew tagħmel l-appuntament.
Ritratt: Arkivji