Minkejja t-talba tal-BirdLife u l-ERA, jitħabbru d-dati tal-kaċċa għas-Summiena

Il-Gvern ikkonferma li l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa għas-summien biss se jkun bejn l-1 u l-21 ta’ April, iż-żewġ dati inklużi, minkejja li l-ġimgħa l-oħra l-BirdLife wissiet li dawn id-dati jaħbtu mal-eqqel tal-passa tal-gamiem.
L-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi kienet irrakkomandat li l-istaġun jinfetaħ bejn il-15 ta’ Marzu u l-4 t’April.
Fi stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent intqal li l-ħin għall-kaċċa għas-Summiena se jkun minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa nofsinhar, u l-kaċċa għas-Summiena matul l-istaġun tar-rebbiegħa se tkun permessa biss għal dawk il-persuni li jingħataw il-Liċenzja Speċjali.
Ma’ dawn elenka r-rekwiżiti sabiex wieħed japplika għal-Liċenzja Speċjali;

  • Liċenzja ġenerali valida għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art (il-kard maħruġa mit-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Slavaġ)
  • Sħubija f’għaqda rrikonoxxuta tal-kaċċa mħallsa għal din is-sena – il-ktejjeb aħdar ittimbrat minn għaqda li tirrappreżenta lill-kaċċaturi
  • Polza ta’ assigurazzjoni valida għal din is-sena li tkopri terzi persuni
  • Il-liċenzja valida tal-ġarr tal-arma għall-kaċċa tal-għasafar minn fuq l-art maħruġa mill-Pulizija għal din is-sena.

Tħabbar ukoll li l-proċedura biex wieħed ikun jista’ japplika għal-Liċenzja Speċjali tal-kaċċa fir-rebbiegħa ġiet mibdula u għaldaqstant persuni eliġibbli m’għandhomx bżonn imorru japplikaw il-posta bħal qabel iżda japplikaw permezz ta’ telefonata fuq in-numru 77070009, l-istess numru li hemm imniżżel fuq il-ktejjeb l-aħdar tal-kaċċa.
Waqt konferenza tal-aħbarijiet l-Erbgħa li għaddew, il-BirdLife qalet li lesta tissottometti rapport estensiv lill-Unjoni Ewropea biex tikkunsidra referendum ieħor, jekk id-dati proposti jum qabel mill-Kumitat Ornis jibqgħu kif kienu.
L-Ornis kien irrakkomanda li l-istaġun jinfetaħ bejn il-5 u l-25 t’April, jiġifieri erbat ijiem aktar tard minn dak li finalment illum il-Gvern ta.
"Riskju li se jkollu l-konsegwenzi" – BirdLife
Sadanittant, il-BirdLife qalet fi stqarrija li din id-deċiżjoni hi riskjuża minħabba l-passa tal-gamiem, u se jkollha konsegwenzi serji.
Żiedet tgħid li l-Gvern mingħajr l-infurzar meħtieġ se jkun qed jesponi lilu nnifsu għal aktar proċeduri min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea.
BirdLife Malta qalet li se tkun qed issegwi mill-qrib l-istaġun u kull illegalità.