Minkejja pressjoni l-Kumitat Eżekuttiv tal-PN se jitlaqqa’

Read in English.

Minkejja l-pressjoni li saret fuq il-Kumitat tal-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista biex dan ma jiltaqax, il-laqgħa tal-lejla se tkun qed issir xorta.

Dan ikkonfermawh ma’ Newsbook.com.mt sorsi qrib il-PN. L-istess sorsi qalu li filwaqt li l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia insista li l-laqgħa għandha ssir, persuni qrib Delia riedu jipposponu din il-laqgħa tal-ogħla kumitat fi ħdan il-partit.

Intant, sorsi qrib il-kamp ta’ Delia qalu li ma kellhom ebda indikazzjoni li l-laqgħa kienet se titħassar jew li se tiġi posposta. Spjegaw ukoll li l-aġenda diġà ġiet iċċirkolata. Newsbook.com.mt irċieva kopja tal-istess aġenda.

Kopja tal-aġenda

Il-MP tal-PN Therese Comodini Cachia qalet li l-maġġoranza tal-MPs tal-PN iridu li jfejqu lill-partit u mhux jaqsmuh fi tnejn. Fil-kummenti tagħha lil Newsbook.com.mt Comodini Cachia qalet li l-MPs iridu li jbiddlu lill-partit f’wieħed li b’mod naturali dak li jkun ikun jista’ jafdah. Qalet li jridu partit li jkun jista’ jara li l-aspirazzjonijiet tal-elettorat isiru realtà.

L-eks Kap Nazzjonalista Lawrence Gonzi kkonferma li se jkun qed jattendi għal-laqgħa tal-Eżekuttiv tal-PN illum. F’kummenti mat-Times of Malta li aktar tard ikkonfermahom ma’ Newsbook.com.mt, Gonzi qal li ma jappoġġja ebda proposta li jkollha l-għan li tikkastiga lil dawk l-MPs li qajmu t-tħassib tagħhom dwar is-sitwazzjoni kurrenti tal-PN.