Minkejja n-nefqa fuq it-tablets, l-istipendji jibqgħu sostenibbli – Simon Busuttil

Dr Simon Busuttil qal li taħt il-Partit Nazzjonalista, l-istipendji mhux talli se jibqgħu, imma ser jissaħħu aktar. Mistoqsi jekk l-istipendji hux se jibqgħu sostenibbli, anke fid-dawl tal-proposta tat-tablets, Simon Busuttil insista li l-edukazzjoni tibqa’ prijorita’ għall-PN. Spjega li dawn it-tablets m’humiex ‘gadget’ għall-logħob imma għodda għal qabza ta’ kwalita’ fl-edukazzjoni.

Rigward l-allegat involviment tal-Ministru Austin Gatt f’każ ta’ korruzzjoni, Dr Busuttil qal li mal-ewwel suspett, il-PN għamel rapport il-pulizija. Saħaq li l-‘ikbar imħallef’ fuq dan kollu se jkun il-poplu fid-9 ta’ Marzu.

Dr Busuttil sejjaħ il-każ ta’ Toni Abela bħala skandlu. Huwa qal li ma setax jifhem kif il-Partit Laburista baqa’ sieket. Hu semma’ li partit politiku m’għandux jindaħal f’investigazzjonijiet tal-pulizija.

Dwar it-twaqqif temporanju tal-fondi għall-Erasmus, il-Viċi Kap tal-PN qal li minn investiment ta’ 855 miljun ewro, dan kien sempliċiment każ wieħed partikolari.
Fuq il-finanzjament tal-partiti, Dr Busuttil qal li hu m’għandu l-ebda problema biex jippubblika minn fejn inġabbru l-fondi tal-kampanja tal-PN iżda qal li ma jafx jekk hux se jiġu ppubblikati fondi li nġabbru mill-2004 s’issa.

Finalment, Busuttil fakkar li mat-83% tal-istudenti jkomplu jistudjaw f’livell post-sekondarju, filwaqt li n-numru ta’ LSAs fl-iskejjel żdied għal 3,800. Saħaq li l-Gvern jonfoq mal-miljun Ewro kuljum fuq l-edukazzjoni.