Minkejja li tgħid il-liġi, il-ħabs bla Bord ta’ Governanza

Faċilitià Korrettiva ta' Kordin

L-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi tinsab bla Bord ta’ Governanza li skont il-liġi għandu l-irwol li jipprovdi direzzjoni u jagħti pariri dwar il-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin u kwalunkwe faċilità korrettiva oħra.

Sorsi infurmati qalu ma’ Newsbook.com.mt li huma l-professjonisti li jifhmu fis-suġġett u li suppost qegħdin fuq dan il-Bord, li għandhom imexxu l-ħabs, u mhux fi kliemhom “pilota u amministratur fl-agrikoltura, li qed imexxu aġenzija daqstant sensittiva u rijabilitattiva”, b’referenza għad-Direttur tal-Ħabs u ċ-Chief Operations Officer tal-Faċilità rispettivament.

Skont il-liġi, il-Bord ta’ Governanza jiġi fuq il-Kap Eżekuttiv (id-Direttur) tal-ħabs. Professjonisti fil-qasam li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt, qalu li “kieku hemm Bord ta’ Governanza u jkun b’saħħtu tant li jieqaf lid-Direttur, żgur ma jsirux il-ħniżrijiet li qed joħorġu fuq il-media u oħrajn li jibqgħu wara l-ħitan tal-ħabs”. Bi “ħniżrijiet” huma kienu qed jirreferu għal fost l-oħrajn dawn il-każi:

Il-Bord ta’ Governanza kien ġie stabbilit minn Ministru preċedenti u fuqu kien hemm kemm akkademiċi kif ukoll professjonisti. Sorsi infurmati qalu li l-Bord kien sfaxxa fix-xejn wara diversi oġġezzjonijiet fosthom:

  • li l-membri fuq il-Bord ma xtaqux ikomplu u rriżenjaw wara li semgħu li ċ-Chairman kellu kunflitt ta’ interess għax kien qrib ħafna ma’ James Caterers, il-kumpanija li tipprovdi l-ikel tal-ħabs.
  • Kien viċin ħafna l-Ministru għall-Intern; kien parti mis-Segretarjat tiegħu
  • It-Times of Malta rrappurtat li ċ-Chairman kien irriżenja fil-bidu ta’ Ottubru 2018, l-għada li l-gazzetta wasslet lill-Ministeru għall-Intern dubji dwar il-ħatra tiegħu. Kien irriżulta li ċ-Chairman tal-Bord kien inħatar minkejja li fl-1996 kien instab ħati dwar frodi. Il-liġi tipprojbixxi b’mod speċifiku li persuna li tkun instabet ħatja ta’ reat tingħata pożizzjoni ta’ dak il-livell.

Skont l-Avviż legali tal-2018 dwar il-Bord, l-ebda persuna m’għandha tikkwalifika biex tinħatar membru tal-Bord jekk tkun instabet ħatja ta’ reat li  jaffettwa l-fiduċja pubblika jew ta’ serq jew ta’ frodi jew li konxjament laqgħet għandha proprjetà li tkun ġejja minn serq jew frodi, jew ta’ tixħim jew ħasil ta’ flus, jew inkella ġiet ikkundannata għal terminu priġunerija.

X’inhu l-Bord ta’ Governanza tal-ħabs?

Il-Bord ta’ Governanza, li skont is-sit tal-Gvern u anke skont professjonisti li tkellmu ma’ Newsbook.com.mt mhux kostitwit, għandu jkun magħmul minn ħames membri, b’wieħed minnhom il-President. Il-Bord għandu jinħatar mill-Prim  Ministru wara konsultazzjoni mal-Ministru, minn fost persuni li għandhom l-għarfien u l-esperjenza f’oqsma bħalma huma d-detenzjoni, is-sigurtà, il-ġustizzja restorattiva,  il-ġestjoni  strateġika,  il-kriminiloġija,  l-amministrazzjoni pubblika, id-dritt u l-ġustizzja kriminali.

Il-President u l-membri tal-Bord għandhom jibqgħu fil-kariga għal mhux aktar minn tliet snin, imma jistgħu jerġgħu jinħatru mill-ġdid. Il-Bord għandu jiltaqa’ mill-inqas darba fix-xahar. Il-kworum għal-laqgħat għandu jkun ta’ tliet persuni.

Id-Direttur tal-Ħabs għandu jipparteċipa fil-laqgħat tal-Bord, iżda ma jkollux jedd jivvota.

X’inhuma r-responsabiltajiet tal-Bord ta’ Governanza?

  • li jiżviluppa viżjoni,  għan  u  direzzjoni  għall-Faċilità, għal medda ta’ żmien;
  • li jiżviluppa dokument strateġiku
  • li jagħti    pariri    dwar    kwalunkwe rakkomandazzjoni li tinġieb quddiemu;
  • li jagħmel  rakkomandazzjonijiet  dwar  politiki organizzattivi importanti;
  • li jiżgura l-koordinazzjoni xierqa tax-xogħol u tal-funzjonijiet tal-bordijiet:

Skont id-dettalji fuq il-website tal-Gvern, il-Bord ta’ Governanza mhux l-uniku bord tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin li mhux attiv. Il-bordijiet l-oħra li huma xolti jew bla membri jinkludu:

  • Il-Bord dwar l-Immaniġġjar tar-Rijabilitazzjoni mill-Vizzji
  • Il-Bord tal-Assessjar
  • It-Tribunal tal-Appelli
  • Il-Bord tal-Parole
  • Il-Bord ta’ Trattament għall-Priġunieri li jkunu wettqu Reati Sesswali

Skont is-sit tal-Gvern, il-lista ta’ membri ta’ dawn il-bordijiet u tal-Bord ta’ Governanza “għandha tiġi aġġornata fi żmien qasir”.