Minkejja li f’ritratt, għajnejh jgħidu storja

Ħafna huma d-dilettanti tal-fotografija u l-hena tagħhom joħorġu passiġata bil-kamera magħhom. Għal Darrin Zammit-Lupi, il-fotografija mhux biss delizzju, iżda permezz tar-ritratti jrid iwassal emozzjoni.
Ftit taż-żmien ilu, Darrin Zammit-Lupi tella’ wirja fil-Kavallier ta’ San Ġakbu ta’ ritratti ta’ immigranti irregolari li jkunu nstabu waqt il-vjaġġ tagħhom għal ħajja aħjar.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, Zammit-Lupi saħaq li hemm baħar jaqsam bejn fotografu li qed jiġbed ir-ritratt tas-salvataġġ u l-prodott finali li qed jaraw in-nies fuq il-gazzetta. Qal li hu jagħmel li jista’ biex iwassal emozzjoni permezz tal-fotografija. Spjega li jqis ritratt bħala suċċess, meta min qed jarah iħoss xi ftit minn dak li ħass il-fotografu.
Infatti, l-iktar ritratt għal qalbu huwa ta' Hamad Alroosan, tifel ta’ għaxar snin li kien wieħed minn dawk li salvaw l-għarqa li seħħet bejn Malta u Lampedusa f’Ottubru tal-2013. Żied li “x-xagħar isfar u l-għajnejn blu tat-tifel daħħlu fil-qalb ta’ ħafna.”
Wara li raw dan ir-ritratt, għadd ta’ persuni marru jfittxu lit-tifel u kien offrut skola b’xejn fi skola privata. Zammit-Lupi qal li t-tifel kiber, għamel progress u llum qiegħed il-Ġermanja mal-bqija tal-familja tiegħu.
Il-fotografu qal li qatt ma jinsa l-esperjenza ta’ meta kien abbord il-vapur Phoenix waqt il-missjoni ta’ Ottubru tal-Migrant Offshore Aid Station. Qal li f’ġurnata minnhom, kien qed jiċċelebra għeluq sninu imma għamel dan jiġbed ir-ritratti waqt li ġew salvati 106 immigrant.
Fost oħrajn, il-proġett kien isponserjat mill-Malta Arts Funs u mill-UNCHR. Għal iktar informazzjoni dwar Islanders tista' tidħol fis-sit www.islelanders.com.